Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed tappella b’mod urġenti għal kull tip ta’ demm.
L-użu qawwi tad-demm li hemm fl-isptarijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ donaturi li irrikorrew biex jagħtu d-demm f’din l-aħħar ġimgħa wassal biex ir-riserva tad-demm niżlet għal livell kritiku.
Din is-sejħa urġenti ġiet imqanqla mill-bżonn ta’ riżerva tajba tad-demm hekk kif qed joqorbu ż-żminijiet tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena kif ukoll, huwa essenzjali li nies li bħalissa qegħdin jistennew id-demm jinqdew mill-ewwel. F’dan il-mument il-poplu Malti huwa mitlub juri l-qalb tad-deheb tiegħu għal nies fil-bżonn.
Importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità u dawk li kienu barra mill-pajjiż dawn l-aħħar 4 ġimgħat huma mitluba li jċemplu 80074313 biex jiċċekjaw l-eliġibilità tagħhom.