Fl-għoxrin ta’ Settembru li ġej se jsir programm mifrux fuq tnax-il siegħa, bit-tema “Għinuna Ngħinukom”. Din is-sena qed issir sejħa bikrija lill-Maltin sabiex ikunu ġenerużi biex jinġabru l-fondi għall-Malta Community Chest Fund, li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet Maltin, fosthom l-istazzjon ONE.
Dan tħabbar mill-President ta’ Malta George Vella waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Verdala, fejn qal kif din is-sena din l-Fondazzjoni li tgħin lil għexieren ta’ nies, bħalissa qed issib diffikultajiet kbar minħabba l-imxija.
Il-President Vella qal kif minħabba l-pandemija, il-fondazzjoni ma tistax torganizza attivitajiet tal-massa sabiex jinġabru l-fondi u minflok se torganizza maratona televiżiva bħall-Istrina.
Iċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, Marlene Mizzi qalet kif it-talbiet għall-għajnuna żdiedet filwaqt li l-fondi naqsu. Hija qalet kif il-pandemija waqfet diversi affarijiet, iżda l-każijiet ta’ kanċer u nies oħra li ġew fil-bżonn komplew.
Mizzi qalet kif fix-xahar, il-Fondazzjoni toħroġ madwar miljun ewro f’għajnuna lin-nies li jiġu bżonn is-servizz tagħha.
Barra l-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir lejliet l-indipendenza bejn nofsinhar u nofsillejl, tnediet skema oħra sabiex ħaddiema jagħtu xi ħaġa żgħira mill-paga li jirċievu lil Malta Community Chest Fund.