Kumpaniji privati, li jixtiequ jinvestu fil-qalba diġitali tal-operat tagħhom, jistgħu jaċċessaw sa mija u tmienja u għoxrin elf u erba’ mitt ewro f’fondi Ewropej, permezz tal-iskema ‘Digitalize Your Business’, li bħalissa tinsab miftuħa u hi aċċessibbli kemm għal kumpaniji kbar u kif ukoll dawk żgħar u medji.
L-iskema hi mmirata biex l-entitajiet privati jtejbu r-reżiljenza, l-effiċjenza u l-produttività tagħhom, permezz tal-investiment f’għodod teknoloġiċi. Permezz ta’ dan il-fond, applikanti eliġibbli li joperaw minn Malta jingħataw lura sa 50% tal-ispejjeż tal-investiment, filwaqt li applikanti li joperaw minn Għawdex jingħataw sa 60% tal-ispejjeż.
Fi żjara fil-kumpanija Fairwinds Management Ltd, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ra l-investiment ta’ servers li nxtraw mill-kumpanija fix-xhur li għaddew u li nofs l-ispejjeż tagħhom kienu mħallsin lura minn fondi Ewropej taħt skema simili.
“Permezz ta’ total ta’ €15-il miljun, li ġejjin mill-Fond tar-Reżiljenza u Rkupru Ewropew, kumpaniji privati bħal Fairwinds Management jistgħu jaċċessaw fondi Ewropej biex is-servizz tagħhom isir aktar effiċjenti permezz ta’ sistemi diġitali.”
Id-direttriċi tal-kumpanija, Joceline Caruana, spjegat kif il-fondi Ewropej għenu lill-kumpanija tinvesti f’servers moderni.
“Bħala kumpanija, aħna bbenefikajna minn fondi tal-Ewropa biex inkunu nistgħu nagħmlu update tas-servers tagħna. Is-servers tagħna kienu parti mir-rekwiżiti għall-applikazzjoni mal-MFSA u, apparti minn dan, ridnihom ukoll biex intejbu d-data storage tagħna. Bħala applikazzjoni kienet vera faċli u ninkoraġixxu kumpaniji bħalna li għadhom jibdew biex japplikaw ukoll.”
L-intrapriżi privati li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu javviċinaw lill-aġenzija tal-Gvern, Servizzi Ewropej f’Malta, għal iżjed gwida fuq info.sem@gov.mt jew fuq 27797300.
Iżjed informazzjoni dwar l-iskema tinstab hawn.