Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota li l-programm LEAD reġa’ ġibed l-interess ta’ diversi tfajliet u nisa minn oqsma differenti tal-ħajja. 32 persuna applikaw biex minn Ottubru li ġej ikunu parti minn dan il-programm tal-Partit Laburista maħsub biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, li hija wkoll il-koordinatriċi ta’ dan il-programm ikkummentat kif ir-riżultat pożittiv ta’ dan il-programm huwa frott l-impenn u r-rieda li teżisti biex fil-pajjiż issir il-bidla li twassal biex ikun hemm ugwaljanza wkoll fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
“Il-Partit Laburista u l-moviment li nbena madwaru se jerġgħu jkunu protagonisti f’dik li għandha tkun bidla storika oħra. Sodisfatta li fost dawk li applikaw hemm nisa ispirati minn oħrajn li diġa’ għamlu l-programm u daħlu fid-dinja politika. Hemm ukoll persuni li forsi diġa’ missew mal-politika iżda jemmnu li jistgħu jagħtu sehem ikbar minn dak li taw sal-lum. Fuq kollox LEAD qed jerġa’ jiġbed nies ġodda lejn l-istrutturi tal-Partit Laburista. Dan il-programm se jibqa’ għodda biex iktar persuni jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jsiru parti mir-riforma li għandha twassal biex nilħqu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parlament Malti,” sostniet Miriam Dalli.
Dan se jkun ir-raba’ grupp tal-programm LEAD li issa qed jinfetaħ għat-tielet sena konsekuttiva.