Inħarġet it-tielet sejħa biex għaqdiet volontarji jgawdu mill-iskema ta’ installazzjoni tal-pannelli solari fuq il-binijiet tagħhom.
Il-proġett se jara investiment miżjud ta’ mija u sittin elf ewro, u l-għaqdiet ikunu jistgħu jinstallaw tnax jew erbgħa u għoxrin pannella mingħajr ħlas.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, fejn ġie spjegat kif l-iskema, b’investiment totali ta’ miljun ewro, diġà għenet lil wieħed u sittin għaqda.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif il-Gvern qed iħajjar aktar għaqdiet jaħdmu b’sistemi sostenibbli: “Wara s-suċċess li rajna bl-ewwel żewġ skemi fejn numru ta’ għaqdiet volontarji pparteċipaw biex ikunu jistgħu jinstallaw il-pannelli tax-xemx, issa qed inniedu t-tielet sejħa. F’din it-tielet sejħa qegħdin nappellaw lil aktar għaqdiet volontarji biex jersqu ’l quddiem u jressqu l-proposti tagħhom ħalli anke huma jkunu jistgħu jinstallaw il-PVs u jkunu jistgħu jiffrankaw mill-ispiża u fl-istess ħin inkunu qed naraw ukoll li jkunu parteċipi magħna biex ikollna enerġija aktar nadifa.”
Waqt żjara fil-grawnd tal-futbol tal-Imqabba, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, enfasizza li din l-inizjattiva tal-Gvern qed iżżewweġ il-kunċett tal-volontarjat ma’ dak ambjentali.
Huwa stqarr: “Bħala Gvern qed naħdmu mas-settur tal-volontarjat biex b’mod tanġibbli nkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies u dan permezz tad-diversi skemi u inizjattivi, fejn hawnhekk qed naraw il-possibilità li għaqda volontarja tkun tista’ tibbenefika minn enerġija aktar nadifa.”
L-avviż fil-gazzetta tal-Gvern se jiġi ppubblikat nhar it-Tlieta, u l-applikazzjonijiet jiftħu l-Erbgħa.
Intant, permezz ta’ din l-iskema, Malta se tolqot tliet miri tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp Sostenibbli.