Il-Cancer Research and Innovation Hub Malta nediet uffiċjalment it-tieni sejħa għall-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer 2025 f’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Din l-opportunità ta’ finanzjament hi miftuħa għal entitajiet akkademiċi, pubbliċi u privati.
Dan il-programm nazzjonali, li se jara l-investiment mill-Gvern ta’ miljun ewro, jifforma parti mill-portafoll ta’ programmi tematiċi li juża fondi amministrati mit-taqsima tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Xjenza Malta.
Il-programm hu allineat mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti dwar is-Saħħa u l-Benesseri u ECHoS – Horizon Europe Beating Cancer Mission, li għandha l-għan li tappoġġja r-riċerka li tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċidenza tal-kanċer, it-titjib tat-trattamenti, iż-żieda fir-rati ta’ sopravivenza u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.
Il-Cancer Research and Innovation Hub Malta, li twaqqaf taħt il-gwida tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, għandu l-għan li jmexxi ’l quddiem sforzi nazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli, Keith Azzopardi Tanti, tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-programm u s-sostenn li qed jingħata lir-riċerka.
“Għalhekk nafu kemm is-suġġett tal-cancer hu wieħed sensittiv, hu wieħed delikat, kemm jgħaddu minn tbatijiet dawn in-nies kif ukoll il-familji tagħhom. Għalhekk fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni se nkunu qed inżidu l-proġetti f’dan il-qasam tant importanti. Is-sena li għaddiet investejna xejn inqas minn €600,000, għal din is-sena se nkunu qegħdin ninvestu u nivvotaw mal-€1 miljun.”
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari
Il-Professur Christian Scerri spjega li dan il-programm mhux biss investiment f’riċerka, iżda wkoll fl-innovazzjoni, fil-kollaborazzjoni u t-tama.
“Din il-call se tkun qed tiġbed lejha numru ta’ proġetti, nisperaw is-sena li għaddiet kellna tnax-il proġett u stajna niffinanzjaw tlieta. Din is-sena għandna fejn nistgħu nagħmlu sebgħa, se nkunu qed niffinanzjaw aktar proġetti varji bejn trattamenti ta’ cancer, bejn cancer bħala djanjożi kif ukoll cancer min-naħa psikoloġika. Dak hu l-għan issa nisperaw li jkollna biżżejjed, imma żgur se jkollna biżżejjed nies kapaċi biex ikunu jistgħu jidħlu u jagħtuna proġetti tajbin ħafna.”
Chistian Scerri, Professur.
Biex jingħata aktar tagħrif dwar il-programm, se ssir sessjoni ta’ informazzjoni onlajn nhar Il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu bejn is-1:00 u s-2:30 ta’ waranofsinhar.
Din is-sessjoni se tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sejħa, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċess tal-applikazzjoni.