Ġie iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Università ta’ Malta sabiex ssir għotja finanzjarja ta’ mitt elf ewro lir-riċerkaturi sabiex l-ideat tagħhom ma jibqgħux fuq il-karta u jiġu kummerċjalizzati.
Dan permezz ta’ kompetizzjoni bl-isem ta’ Takeoff Seed Fund Award fejn dawk kollha li japplikaw u jirbħu l-premju, se jkollhom l-opportunità li jgawdu minn għotja ta’ bejn il-ħames t’elef u l-ħamsa u għoxrin elf ewro.
L-Inġinier Anton Bartolo qal li l-fondi huma maqsuma f’żewġ kategoriji, waħda mmirata għar-riċerkaturi li jixtiequ li l-ideat taghhom jiġu kkummerċjalizzati u oħra mmirata għall-imprendituri li jixtiequ jibdew kumpanija tat-tip Startup.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri saħaq li s-sena l-oħra dan il-proġett kien ta’ suċċess għaliex kien hemm erbgħa u erbgħin applikazzjoni innovativa taħt diversi oqsma fosthom tas-saħħa.
Il-Ministru Schembri qal li pajjiżna għandu l-potenzjal li jkun il-post fejn jiġu r-riċerkaturi u jinħolqu ideat ġodda.
Qal, “u dan huwa l-intenzjoni ta’ dan it-tip ta’ fond speċjalment f’industrija u f’ekonomija fejn irridu nibbażawha fuq dik li nsejħulha knowledge-based economy fejn kemm jista’ jkun inti l-attività ekonomika tagħna tkun iffukata fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni.”
Ir-Rettur tal-Università, Alfred Vella, saħaq kif l-għajnuna mogħtija mill-gvern qed tagħti l-opportunità lir-riċerkaturi sabiex jgħinu ħalli tkompli tavvanza s-soċjetà.
L-applikazzjonijiet għal din il-kompetizzjoni jagħlqu il-Ħamis tlettax ta’ Mejju.