Persuni bejn it-18 u l-40 sena qed jingħataw l-opportunità jressqu ’l quddiem ideat innovattivi, b’soluzzjonijiet ambjentali, permezz tal-programm imprenditorjali SeedGreen.
Dan il-programm jinċentiva imprendituri żgħażagħ li għandhom soluzzjonijiet jew ideat għal start-ups b’għanijiet ambjentali, li jgħinu jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
SeedGreen qed jittella’ b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, il-Malta Enterprise, Junior Chamber International u l-MCAST.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif permezz ta’ din l-inizjattiva, se tingħata l-opporunità li persuni jaslu għal soluzzjonijiet innovattivi.
Hija qalet, “Din is-sena qed nistennew li jaslu aktar ideat ta’ prodotti ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jkunu qed jgħaqqdu flimkien, it-teknoloġija, l-aspett intraprenditorjali imma wkoll l-aspett ambjentali u li jkollna ideat li verament ikunu qegħdin jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jkunu ideat li kull wieħed u waħda minna jistgħu jużaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”
Esperti lokali se jkunu qed jgħinu fit-taħriġ tal-parteċipanti. Wara ssir evalwazzjoni tal-aħjar ideat, skont il-preżentazzjoni li ssir minn kull parteċipant, inkluż il-kunċett, il-mudell tan-negozju u l-miri tal-proġett.
Is-sena l-oħra kien hemm tliet rebbieħa.
Tal-Kampanjol kellhom sistema agrikola bbażata fuq metodi xjentifiċi għat-tkabbir ta’ ħxejjex u frott li ma tużax pestiċidi u tiffranka 95% tal-ilma.
Proġett rebbieħ ieħor kien EcoWash, li żviluppa sapun tal-platti bla kimiċi li jagħmlu ħsara lill-baħar u lill-ħajja marittima.
It-tielet proġett rebbieħ kien PlantB, li ħareġ b’app li toffri informazzjoni u ideat dwar kif wieħed jista’ jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu fl-attivitajiet ta’ kuljum.
L-applikazzjonijiet għal din it-tieni edizzjoni jagħlqu fl-24 ta’ Lulju. Dawk interessati huma mħeġġa jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fuq www.seedgreen.org.