Il-kumitat organizattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsir f’Malta bejn Mejju u Ġunju, qed jagħmel sejħa għall-voluntiera sabiex jgħinu fil-ġimgħa tal-logħob.
Il-kumitat organizattiv huwa kompost b’mod konġunt minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.
Is-sejħa qed issir għal dawk kollha li huma interessati li jgħinu b’mod volontarju kemm b’mod dirett u kif ukoll indirett. Il-parteċipazzjoni ta’ ħidma f’dan il-logħob isservi ta’ esperjenza u opportunità unika.
Il-voluntiera li se jintgħażlu se jkollhom rwol importanti ħafna f’dan il-logħob u se jkunu qed jikkontribwixxu għall-esperjenza pożittiva f’pajjiżna tal-elf atleta u ħames mitt uffiċjal, li se jkunu qed jieħdu sehem f’għaxar dixxiplini sportivi, f’madwar ħdax-il faċilità sportiva.
Għal dan il-logħob hemm bżonn ta’ numru kbir ta’ voluntiera u għal dan saret ħidma kemm minn entitajiet tal-gvern kif ukoll dawk privati biex jgħinu ħalli jkunu attirati persuni interessati.
Din se tkun esperjenza unika fejn kulħadd għandu ċ-ċans li jkun parti minn tim ta’ Malta.
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar se jsir bejn it-28 ta’ Mejju u l-4 ta’ Ġunju.
Dawk interessati li jirreġistraw bħala voluntiera jistgħu japplikaw online: https://nocmalta.org/gsse-2023/