Bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern favur ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) qed tħabbar li fis-27 ta’ Novembru 2022, ħarġet sejħa għall-proposti għar-riabilitazzjoni tas-sit tal-Evans Building fil-parti ta’ isfel tal-belt kapitali.
Fi stqarrija l-MSSP qalet li din iż-żona, ikkumparata ma’ oħrajn, ibbenefikat minn inqas investiment. Din se tkun it-tieni sit li se tiġi riġenerata bħala parti mill-istrateġija ta’ riabilitazzjoni.
B’medda ta’ art ta’ madwar 3,327 metru kwadru, dan is-sit jinsab fi Triq il-Merkanti, viċin tal-ponta talpeniżola tal-Belt Valletta. Dan is-sit jinkludi l-binja tal-Evans, li inbniet fl-1952, hija mibnija fuq erba’ sulari u għandha spazju mibni ta’ madwar 1,080 metru kwadru f’kull sular. L-iskop oriġinali tal-Evans Building kien biex jintuża bħala laboratorji tal-Università, imma sa ftit ilu kien jospita diversi Dipartimenti tal-Gvern. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, dan is-sit sofra ħsarat estensivi.
Il-binja nnifisha fiha elementi ta’ patrimonju, filwaqt li fl-ispazju miftuħ bejn dan is-sit tal-Evans Building u s-Sacra Infermeria hemm diversi fdalijiet ta’ wirt kulturali. Dawn jinkludu l-fdalijiet tal-Kappella ta’ Nibbia, li nbniet fl-1619, il-Kappella tal-Għadam, u l-fdalijiet tat-Teatru Anatomiku. L-aħħar tnejn fost dawn jinsabu midfuna taħt iż-żona esterna ta’ dan is-sit, u ftit huwa magħruf dwar l-istat preżenti tagħhom.
Is-sit tal-Evans Building huwa rregolat min-Nota dwar l-Iżvilupp ta’ Sant’ Iermu u l-Inħawi 2011, li tagħti
lok għall-kunsiderazzjoni ta’ żvilupp mill-ġdid totali ta’ dan l-ispazju. Madanakollu, ittieħdet deċiżjoni biex tinżamm il-qoxra esterna tal-binja filwaqt li jsir tibdil intern. Dan wara proċess konsultattiv mal-UNESCO u s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali.
MSPP temmen li dan għandu jservi bħala mudell pożittiv u sostenibbli dwar l-adattament ta’ bini antik
biex jaqdi funzjonijiet ġodda. Fil-każ tas-sit tal-Evans Building, l-użu identifikat huwa għal akkomodazzjoni għal skop turistiku ta’ kwalità għolja.
Bħala parti mill-proġett, MSPP teħtieġ li l-konċessjonarju jwettaq l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi li għandhom jiddeterminaw l-istat tal-istrutturi ta’ patrimonju, bil-possibilità ta’ restawr u ftuħ għall-pubbliku. Minn dan l-aspett, is-sejħa għall-proposti tisħaq b’mod speċjali għal livell ta’ għarfien għoli għal dan il-proġett, b’talba għal diversi esperti.
Aspetti importanti oħra tal-proġett jinkludu l-kunsiderazzjoni ta’ miżuri ambjentali, kemm waqt il-fażijiet tal-ippjanar kif ukoll waqt l-operat, u t-twassil ta’ servizz ta’ kwalità għolja.
Is-sejħa tagħlaq fit-3 ta’ Marzu 2023.