Fil-jiem li għaddew kien hemm nuqqasijiet fil-proċess tat-tindif tat-toroq u ġbir tal-iskart dan wara li t-tender għal-dawn is-servizzi skada u ried jiġi aġġudikat tender ġdid. Minħabba li kuntrattur li kellu l-istess tender tal-ġbir tal-iskart fil-passat appella mid-deċiżjoni li biha t-tender mar għand xi ħadd ieħor u dan wassal biex jinħoloq vojt temporanju li matulu kellu jinstab kuntrattur li joffri s-servizz matul dawn il-ġranet temporanjament. Dan kellu jsir wara li l-istess kuntrattur li appella, fl-aħħar minuta ddeċieda li issa lanqas ix-xogħol temporanju ma kien ħa jagħmel.
Quddiem din is-sitwazzjoni li żviluppat fl-aħħar ġranet f’Raħal Ġdid, hekk kif il-Partit Nazzjonalista xprunat mill-Kunsilliera Nazzjonalisti ivvinta storja bl-għan li jdawwar lill-Pawlisti kontra l-Kunsill li jgawdi maġġoranza Laburista.
“Il-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu għażel li jagħmel xnigħat malizjuża dwar din is-sitwazzjoni,” qal is-Sindku Dominic Grima.
“In-nies għandhom raġun igergru, jien resident wkoll u niddejjaq jekk nara l-bankina maħmuġa jew li il-borża ma nġabritx. Imma nixtieq wkoll lill-Pawlisti jifmhu li l-Kunsill tagħhom jrid jara wkoll li jsegwi l-proċessi tat-trasparenza u l-kontabilita’ u jipprotegi l-integrita’ tal-Kunsill u l-lokalita’… ma rrid l-ebda teba’ fuq isem il-lokalita’ tagħna,” żied jgħid Grima.
Spjega kif il-kwistjoni li qamet fuq it-tender tal-knis kienet marbuta ma’ teknikalita’ dwar id-dokumenti li kellu jinkludi fih it-tender.
“Rajna li fil-proċess kollu nieħdu l-pariri tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tal-Kuntratti u anke ħloqna bord tal-għażla indipendenti mill-kunsill u magħmul minn professjonisti. Il-proċess għandu issa jingħalaq fi ftit jiem,” żied Grima.
Grima fisser kif il-ħaddiema tal-kunsill u l-kuntratturi temporanji qegħdin jindirizzaw is-sitwazzjoni b’ordni mat-toroq ta’ Raħal Ġdid . “Inħeġġeġ lir-residenti biex ma jiddejqux jikkuntatjawna direttament biex inkunu nistgħu nassistu aħjar. Nirringrazzjhom tal-paċenzja u nwiegħdhom li s-sitwazzjoni diġà ġejja għan-normal”, temm jgħid Grima.