InterConnect Malta ħarġet sejħa għall-offerti għal 23 kilometru ta’ cables fuq l-art fil-Magħtab u f’Ragusa, Sqallija, għall-proġett tat-tieni Interconnector bejn Malta u l-Italja.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fuq il-profil tagħha fuq Facebook hekk kif spjegat li fl-istess waqt l-istess kumpanija qed tħejji sejħa oħra għal 99 kilometru ta’ cable fil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Ministru Dalli rrimarkat ukoll li dan huwa proġett ieħor fil-pjan tal-Gvern lejn enerġija li ma tniġġisx, b’iżjed rinovabbli, għal futur aktar sostenibbli.
It-tieni Interconnector se jipprovdi l-kapaċità meħtieġa biex isir investiment f’aktar sistemi t’enerġija rinnovabbli kbar, fuq l-art u offshore, filwaqt li jilqa’ għad-domanda tal-futur.