Il-Gvern nieda sejħa pubblika sabiex il-pajjiż jiżviluppa l-ewwel proġett fuq il-baħar t’enerġija rinnovabbli mir-riħ, tnax-il mil nawtiku l-barra mix-xatt Malti fiż-Żona Esklussiva Ekonomika.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli. B’Dr Abela saħaq kif dan il-proġett innovattiv se jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’investiment t’enerġija rinovabbli.
Illum ħarġet sejħa internazzjonali, magħrufa bħala pre-qualification questionnaire, li tistieden lis-settur privat jidħol għal dan il-proġett ta’ turbini tar-riħ fuq il-baħar. B’dan jinkludi d-dettalji ewlenin tal-proġett.
F’din il-fażi, il-partijiet interessati se jkollhom l-opportunità jipprovdu prova tal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħhom.
Din l-informazzjoni mbagħad se tintuża biex jintgħażu l-kumpaniji bl-ogħla ranking sabiex javvanzaw għall-fażi li jmiss.
Huma biss l-aqwa ħames kandidati li se jkunu mistiedna għaċ-ċiklu ta’ wara, magħrufa bħala l-‘Invitation to Participate to Dialogue’.
Fuq il-bażi ta’ dawn id-dettalji, dawn il-ħames kandidati se jintalbu jippreżentaw il-proposti inizjali tagħhom, li jservu ta’ bażi għal djalogu. Wara l-fażi ta djalogu, tissejjaħ kompetizzjoni għall-‘Best and Final Offer’.
Il-Prim Ministru qal li fi żmien fejn l-ekonomija Maltija trid tagħmel il-qabża li jmiss favur il-kwalità, irridu nipproduċu aktar enerġija nadifa u pajjiżna juża aktar l-elementi naturali bħar-riħ u x-xemx.
“Tgħili llum li l-inflazzjoni ċediet, dik il-miżura, issa tista’ titneħħa? Tkun l-aktar deċiżjoni żbaljata li nistgħu naslu għaliha, kuntrarjament kif qalet l-Oppożizzjoni, li s-suq isuq, aħna nemmnu li fis-suq tal-enerġija, il-piżijiet għandu jerfaħhom il-Gvern u la għandna ekonomija li qed tippermettilna li nagħmlu dan u la għandna l-finanzi tal-pajjiż li qed jippermettilna nagħmlu dan, se nibqgħu nagħmlu hekk.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett huwa importanti għall-oqsma tal-enerġija u l-ambjent, li se jkun avvanzat f’din il-leġiżlatura u jitlesta f’dik li jmiss. Hija qalet li dan huwa ħolqa ta’ proġetti fosthom dak tat-tieni interconnector ma’ Sqallija.
“Dan huwa pass importanti għax ipoġġi lil pajjiżna, anki minn tal-ewwel li qegħdin inħarsu lejn it-teknoloġija, li tajjeb ngħid, hija teknoloġija floating u allura għandna wkoll l-isfidi tagħha. Imma f’dan il-pass inkunu nistgħu wkoll issa naraw li huma l-kumpaniji interessati, il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom u kif din it-teknoloġija tista’ tiġi addattata għal gżira tagħna.”
Il-Ministru Miriam Dalli