Il-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu qed jerġgħu jdaħħlu numru ta’ persuni bħala membri fil-forza ta’ riserva u dawk interessati għandhom sal-erbgħa t’Awwissu biex japplikaw.
Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, spjega li dan hu t-tieni grupp li se jidħol fl-armata b’dan il-mod wara t-tibdil fil-liġi li sar is-sena l-oħra.
“Sa sena ilu kienu jkunu jidħlu bħala riserva jekk il-President kienet tordna f’każ ta’ emerġenza. Bil-liġi kif inbidlet issa huwa l-kmandant li jiddeċiedi dawk il-persuni li għandhom jiddaħlu u fil-fatt jidħlu f’ċirkostanzi fejn ikun hemm bżonn ċertu appoġġ,” spjega Farrugia.
Biex wieħed japplika jrid ikun għalaq it-18 –il sena, filwaqt li l-età massima biex wieħed ikun jista’ japplika telgħet minn 35 għal 45 sena. Dan bil-għan li l-armata ma titlifx persuni b’ċertu esperjenza li kienu interessati japplikaw.
Jistgħu japplikaw ukoll persuni li għandhom il-fuq minn 56 sena li diġà kienu membri fl-armata u kien intemmilhom iż-żmien fis-servizz.
B’differenza għal qabel il-persuni fil-forza ta’ riserva se jitħallsu għax-xogħol tagħhom bir-rata applikabbli skond il-grad tagħhom.
Dan ifisser li fil-waqt li jidħlu f’livell bażiku huma jkunu wkoll suġġetti għall-promozzjonijiet.
Il-Logutenent Nicholas Galea qalilna li t-taħriġ ta’ kull volontier tal-armata jinqasam fi tlett snin u saħaq li din hija opportunità tajba għal kull min jixtieq ikun involut fl-armata biex ikun ta’ servizz għal-pajjiżu u mhux għal min qed ifittex okkażżjoni biex jagħmel lira żejda.