Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, l-MCVS, għadu kif ħareġ sejħa għal voluntiera żgħażagħ ta’ bejn it-18 u 30 sena biex jipparteċipaw fil-proġett CLIVE (Combatting Loneliness & Isolation with Volunteers in Europe); proġett li huwa ffinanzjat mill-European Solidarity Corps Programme. Dan ser ikollu attivitajiet varjati f’numru ta’ pajjiżi parteċipanti fil-proġett, fejn l-applikanti jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem bejn dawk li ser iseħħu f’Malta, l-Italja, l-Polonja, l-Belġju jew l-Portugall.
Fil-proġett ta’ Malta, il-voluntiera magħżula ser ikunu qegħdin jorganizzaw numru ta’ workshops ma’ anzjani dwar l-użu tat-teknoloġija, bħal kif tixtri onlajn u kif tuża WhatsApp u Skype. Dan għandu jgħin lil dawn l-anzjani jħossuhom anqas iżolati u jkollhom opportunitajiet ġodda ta’ kommunikazzjoni, kemm mal-għeżież tagħhom u anki ma’ ħwienet u entitajiet bżonnjużi li għandhom servizzi diġitali. Ser ikun hemm ukoll workshops relatati ma’ mużika u arti li jippromwovu l-anzjanità attiva. Fil-pajjiżi parteċipanti l-oħra, il-benefiċarji jvarjaw minn nisa vulnerabbli, persuni b’diżabilità u żgħażagħ.
Il-voluntiera li jintagħżlu ser ikollhom, fost l-oħrajn, l-akkomodazzjoni u l-ikel imħallas. L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet tagħlaq fl-10 ta’ Marzu 2023 u l-postijiet huma limitati.
Aktar informazzjoni u kif tapplika f’dan il-link: https://maltacvs.org/latest-news/call-for-youth-volunteers-project-clive/