Il-Gvern għaddej b’ħidma sabiex tkompli tissaħħaħ il-ħidma favur il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.
Fil-fatt bħalissa għaddejja sejħa ta’ reklutaġġ għal uffiċjali ġodda li jħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Dan bil-għan li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali fuq il-postijiet tax-xogħol isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu mħarsa.
Matul is-sena li għaddiet id-Dipartiment investiga ‘l fuq minn elf każ ta’ allegat ksur fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Ix-xogħol tal-uffiċjali tad-dipartiment huwa li jwettqu investigazzjonijiet u dmirijiet oħra relatati mal-infurzar marbuta mal-liġi għar-relazzjonijiet industrijali fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, qal li jemmen li huwa r-rispett reċiproku bejn il-ħaddiema u min iħaddem li jkomplu jagħtu l-kuraġġ u l-kunfidenza lill-Gvern li l-ekonomija terġa’ tikber fil-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-Ministru Abela qal: “Jaraw li kollox ikun miexi kif suppost mal-liġijiet. Jagħtu lilll-ħaddiema dak li huwa ħaqqu. Huwa xogħol challenging u joffri challenge u nagħmlu ċert li kulħadd jimxi mal-liġi.”
Il-Ministru Abela rringrazzja lit-tim preżenti ta’ uffiċjali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u ħeġġeġ iżjed żgħażagħ jaqbdu din il-linja li toffri karriera fil-qasam ta’ investigazzjonijiet marbuta mal-post tax-xogħol.