Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ qed jistieden lil Organizzazzjonijiet Volontarji reġistrati u bbażati f’Malta sabiex jibgħatu proposti għall-proġetti ta’ żvilupp f’pajjiżi terzi. L-għan prinċipali ta’ dawn il-proġetti huwa li jgħin lil dawn il-pajjiżi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, fuq il-kunċett li ‘neqirdu l-faqar permezz tal-iżvilupp’ u fid-dawl tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-proposti għal proġetti jridu jkunu konformi mal-Guidelines for submitting Official Development Assistance (ODA) Project Proposals issued through an Expression of Interest by the Ministry for Foreign and European Affairs and Trade for implementation 2024-2025 li jinsabu flimkien mas-sejħa fuq www.vofunding.org.mt.
Il-Proposti sottomessi se jiġu evalwati minn Bord skont kriterji ta’ għażla annessi mal-Linji Gwida. Il-proġetti li jiġu magħżula ser jirċievu 90% finanzjament tal-ispejjeż eliġibbli mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, fil-limiti tal-provvediment finanzjarju tal-Ministeru għall-Proġetti tal-ODA għall-2024.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-għan ta’ dawn il-proġetti huwa li jkomplu jegħlbu l-isfida tal-faqar u jkomplu jinċentivaw aktar trawwim f’dak li hu progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn jemmen li b’ħidma flimkien ma’ organizzazzjonijiet volontarji bbażati f’Malta, jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-għanijiet ta’ żvilupp globali. Barra minn hekk, il-proġetti ffinanzjati permezz ta’ din is-sejħa se jkollhom rwol kruċjali fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-komunitajiet fil-bżonn u fit-tmexxija tal-iżvilupp sostenibbli.
Il-formola tal-applikazzjoni, flimkien mad-dokumentazzjoni mitluba, għandhom jimtlew u jiġu sottomessi onlajn fuq www.vofunding.org.mt. Kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tinstabx fuq il-websajt tista’ tinkiseb mid-Direttorat tal-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ billi tintbagħat email lil development.mfet@gov.mt jew billi wieħed iċempel 22043089, 22043101, jew 22043323.
Il-formoli tal-applikazzjoni mimlija u d-dokumentazzjoni meħtieġa jistgħu jiġu sottomessi biss fuq www.vofunding.org.mt sa nofsinhar ta’ 19 ta’ Lulju 2024.
Sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet jew dokumentazzjoni meħtieġa wara d-data tal-għeluq mhux se jkunu aċċettati.