Tnieda l-proċess ta’ ħatra ta’ Kap Eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li l-introduzzjoni ta’ din il-pożizzjoni maniġerjali ġdida se tkun qed tgħin fil-immodernizzar tal-istruttura tal-Korp.
Il-Kap Eżekuttiv se jkun meħtieġ li jaħdem flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija biex jimplimentaw il-viżjoni tal-Korp. Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija se jkun jista’ jiddedika aktar il-ħin tiegħu lejn l-investigazzjonijiet, il-Kap Eżekuttiv se jiffoka fuq il-prijoritajiet amministrattivi u prattiċi effettivi fl-immaniġjar tar-rizorsa umana.
“Korp tal-Pulizija modern mhux biss jara investiment kontinwu fl-assi tiegħu, iżda wkoll ikun kapaċi jamministra it-talenti tar-riżorsi umani fi ħdanu bl-ahjar mod “, qal il-Ministru Abela.
L-applikazzjonijiet għandhom jaslu għand is -Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, 201, Triq id-Dejqa, Valletta sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 15 ta’ Lulju 2016.