B’rabta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea pajjiżna qed ifittex intraprendituri li għandhom ideat innovattivi li joffru soluzzjoni għal sfida globali. Din l-idea kienet nibtet fil-Presidenza Ollandiża, li ġabet flimkien, fuq pjattaforma Ewropea, entitajiet u intraprendituri differenti.
Stati membri huma mitluba li jiddentifikaw l-idea u l-intraprenditur li se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżhom. L-ewwel għaxar pajjiżi li jagħmlu dan jingħataw is-sapport biex ikunu jistgħu jiżvilluppaw l-idea li tkun ġiet proponuta.
Biex tgħin f’din it-tfittxija, il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar (MEIB) issieħeb ma’ Deborah Webster, il-fundatur ta’ AMANI™. Webster tgħin ħafna lil start-ups Maltin u mexxiet it-tfittxija għall-ewwel edizzjoni ta’ ideat mill-Ewropa.
Il-Ministru Chris Cardona spjega li l-mexxejja tan-negozju jeħtieġ li jifhmu l-isfidi li qed tesperjenza d-dinja globali u tibdil li qed isir. Huwa saħaq li l-Gvern jemmen li l-innovaturi u l-intraprendituri għandhom rwol importanti biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati.
“Din il-kampanja hija katalista biex investituri lokali jinvestu u jiżvilluppaw ideat ġodda li jwasslu għal futur aħjar,” sostna l-Ministru għall-ekonomija.
Webster qalet li l-maġġoranza jaħsbu li l-affarijiet bażiċi bħall-ilma, elettriku u l-edukazzjoni se jibqgħu hemm għal dejjem iżda stqarret li din mhux ir-realtà preżenti għal kważi terz tal-popolazzjoni tad-dinja.
“Jeħtieġ li nsibu modi ġodda ta’ kif nagħmlu n-negozju hekk kif aktar ma jgħaddi żmien il-popolazzjoni globali aktar qed tikber u qed tuża’ riżorsi li jispiċċaw maż-żmien,” qalet Webster.
L-intraprendituri interessati jistgħu japplikaw fuq dan is-sit sal- 10 ta’ Frar, bir-rappreżentant għal pajjiżna jintagħżel waqt ċerimonja fis-7 ta’ Marzu.