Din il-ġimgħa kienet waħda sinjifikanti f’dawk li huma sejħiet għall- konsulenti, jew kif inhuma magħrufa aħjar, professuri fid-Dipartiment tas-Saħħa.
Fil-fatt, f’ġimgħa waħda biss ħarġu ħames sejħiet għall-konsulenti li huma meħtieġa f’setturi differenti. Fosthom persuni speċjalizzati fid-diabete, il-kardjoloġija u l-oftamoloġija.
Ir-riżorsa umana fl-isptarijiet hija riżorsa imprezzabli, li ta’ kuljum qed tara n-numri jiżdiedu.
F’kumment li ta l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li, dawn se jkomplu jżiedu man-numru dejjem jikber ta’ konsulenti. Fil-fatt din is-sena diġa’ kienu ħarġu numru ta’ sejħiet oħra, biex b’hekk diġa’ kellna total ta’ 13-il sejħa għall-konsulenti, b’uħud minnhom li diġa bdew jagħtu s-servizzi tagħhom mal-pazjenti.
Il-Ministru qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin joħorġu aktar sejħiet. Il-konsulenti u speċjalisti m’humiex l-uniċi professjonisti li qegħdin jiżdiedu drastikament fil-qasam tas-saħħa. Fil-fatt in-numru ta’ infermieri qiegħed ukoll jiżdied.
Fl-2012 in-numru ta’ infermieri mad-Dipartiment tas-Saħħa u fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern kien ta’ 2,700. Dan in-numru żdied għal 3,132 fl-2015.