L-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni, il-BCA, ħarġet żewġ sejħiet pubbliċi ta’ interess għal avukati u periti bil-warrant biex jassistu b’xejn liċ-ċittadini affetwati mis-sit tal-kostruzzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, fejn fi stqarrija ġie spjegat li waħda mill-prijoritatjiet ta’ dan il-Gvern hija li jagħti vuċi aktar b’saħħitha lil dawk iċ-ċittadini li jridu jħarsu d-drittijiet tagħhom mis-settur tal-kostruzzjoni.
Din l-inizjattiva kienet tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela wara l-konklużjoni tal-Inkjesta Sofia u skont ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minnha.
Qal, “Kif ikkommettejna ruħna pubblikament, immedjatament wara l-publikazzjoni tal-inkjesta pubblika, ridna nagħtu vuċi aktar b’saħħitha liċ-ċittadini. Dawk it-terzi, l-ġirien, li jkunu affettwati mill-kostruzzjoni. Ninnota b’sodisfazzjon li l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, approvat l-ewwel pass fejn se tkun qed tinħareġ sejħa, għal dawk li huma Avukati u Periti, li huma disposti li jingħaqdu f’dan il-panel li se jkollha l-Awtorità biex toffri dan is-servizz b’xejn.”
Dr. Attard, żied jgħid li dan se jitwettaq permezz ta’ investimenti f’servizzi ġodda, bħal assistenza professjonali legal u teknika, b’xejn.
Il-Ministru Attard qal li dan is-servizz se jkun eventwalment ikkumplimentat minn helpline erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, fejn wieħed jista’ jirrapporta u jwassal l-ilmenti tiegħu. Din il-helpline se tkun qed taħdem id f’id mat-tisħiħ tal-infurzar permezz ta’ taqsima ċentralizzata.
Il-Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li joffri aktar serħan il-moħħ liċ-ċittadini li jħossuhom inkwetati meta jiġu milquta b’mod negattiv minn xi żvilupp li jkun qiegħed iseħħ qrib tagħhom.
L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni se tkun qiegħda tilqa’ l-applikazzjonijiet biex jintgħażlu l-professjonisti biex jiffurmaw dan il-panel, sabiex ikun jista’ jiġi varat is-servizz ġdid bla ħlas għall-benefiċċju taċ-ċittadini affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni.
Is-sejħa pubblika se tibqa’ miftuħa sad-29 ta’ Marzu 2024 u tista’ tkun aċċessata minn: www.bca.org.mt