Il-gvern ippubblika sejħa għal proposti biex dak li qabel kien l-isptar militari fl-imtarfa jinbdel fi skola internazzjonali, bl-investitur magħżul ikun ukoll inkarigat mit-tmexxija tal-iskola.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-investituri għandhom tliet xhur biex jissottomettu l-offerti tagħhom, skond il-proċeduri tal-UE.
Il-ministru saħaq li l-investitur għandu jkollu esperjenza tajba fit-tmexxija ta’ skejjel primarji u sekondarji.
Huwa qal li s-sottomissjonijiet se jiġu evalwati minn bord filwaqt li se jinħatar bord tekniku biex jiżgura li l-pjan ta’ ħidma sottomess jitwettaq skont kif ippreżentat.
Il-gvern se jikri s-sit għal € 50,000 għall-ewwel ħames snin, sa €125,000 fil-ħames snin ta’ wara. Wara dan, ir-rata se tiżdied bi 8 fil-mija kull ħames snin. Il-konċessjoni se tkun għal 40 sena.
Il-Ministru qal li l-programm għandu jkun akkreditat internazzjonalment. Żied li bil-kwalifiki miksuba minn din l-iskola, l-istudenti se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom jekk jagħżlu li jiċċaqalqu għal post edukattiv ieħor.
Huwa saħaq li l-ħtieġa għal istituzzjoni bħal din saret essenzjali biex jiġu attirati investimenti ġodda. Qal li n-nies qed jistaqsu dwar is-sistema edukattiva u ħafna drabi d-deċiżjoni tagħhom hija bbażata dwar fejn se jibagħtu lil uliedhom jistudjaw.