Hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, il-Ministeru għal Għawdex ta bidu sabiex tiġi mistħarrġa l-possibbiltà li jiġi introdott s-servizz ta’ park and ride għall-port tal-Imġarr.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Il-Ministru Caruana qalet li l-Gvern huwa konxju mill-isfida li għandhom il-ħaddiema u studenti Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta għax-xogħol jew sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom. Fost dawn l-isfidi hemm il-parkeġġ għaliex hemm nuqqas ta’ spazju li qed joħloq inkonvenjent sostanzjali.
Għalhekk il-Gvern propona park and ride biex fil-ħinijiet li ikun hemm l-iktar influss ta’ traffiku, f’Għawdex ikollna din is-sistema alternattiva. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan kien wieħed mill-ewwel proġetti li beda jaħdem fuqu l-Ministeru f’din il-leġislatura bl-ewwal fażi tkun studju dwar il-proġett fih innifsu, d-domanda li jrid jindirizza kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-operat tal-park and ride.
Is-sejħa pubblika ħarġet fit-22 ta’ Settembru u tagħlaq fit-13 ta’ Ottubru. Inkluż fis-sejħa hemm ukoll proċess ta’ konsultazzjoni li jrid isir bħala parti minn eżerċizzju wiesa’ u l-Ministru Caruana appellat lill-pubbliku sabiex fil-fażi tal-konsultazzjoni kull min ser jiġi affetwat minn din l-inizjattiva jersaq ’il quddiem biex jesprimi l-opinjoni u jwassal is-suġġerimenti tiegħu.
Il-Ministru Justyne Caruana kkonkludiet billi qalet li dan il-Gvern huwa determinat li jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-Għawdxin speċjalment lil dawk li ta’ kuljum jiffaċċjaw tbatija u diffikultajiet kbar biex jaqsmu bejn il-gżejjer.