Bis-sehem tal-privat hemm il-ħsieb li fil-Mosta jsiru parkeġġi ġodda fl-istess ħin li jinħolqu iktar spazji miftuħa għall-pubbliku.
Biex jintlaħaq dan il-għan Projects Malta Ltd ħabbret li nhar it-Tlieta se toħroġ sejħa pubblika biex tilqa’ proposti għal bini ta’ parkeġġ jew parkeġġi ġodda fil-Mosta u l-ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa għall-pubbliku.
Il-Mosta li hi t-tieni l-akbar belt f’Malta ilha għal snin twal bi problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġi.
Fi preżentazzjoni lill-ġurnalisti Projects Malta tat eżempji ta’ mudelli u żoni li wieħed jista’ jikkunsidra għall-proposti, il-Perit Paul Borg, elenka metodoloġiji differenti li ntużaw internazzjonalment fuq proġetti ta’ din ix-xorta.
Konrad Mizzi, Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li “il-proġett tal-Mosta jikkumplimenta l- viżjoni tal-Gvern biex inżidu l-aċċessibbiltà permezz ta’ ħolqien ta’ parkeġġi, li nnaqqsu t-traffiku mit- toroq, u li nipprovdu aktar spazji miftuħa għar-residenti.
“Dan huwa proġett li saret ħidma kbira fuqu mill-Kunsill Lokali tal-Mosta u Projects Malta Ltd. Il- Gvern qed jistieden lis-settur privat biex jissottometti l-ideat tiegħu għal soluzzjonijiet ta’ parkeġġi fil-Mosta. Aħna kunfidenti li bl-investiment mis-settur privat, ikollna soluzzjoni għal parkeġġi ġodda li jagħmlu sens mal-pubbliku u mal-istakeholders kollha,” qal Konrad Mizzi.
Projects Malta Ltd fissret li bil-proġett iridu jintlaħqu numru ta’ miri fosthom li jinħolqu spazji miftuħa ġodda u aktar aċċessibbli għall-pubbliku wara u biswit ir-Rotunda tal- Mosta. Intqal li se jkunu kkunsidrati biss soluzzjonijiet li joħolqu mijiet ta’ spazji ta’ parkeġġ u li kull parkeġġ irid ikun taħt l-art.
Projects Malta Ltd qed tħares lejn dan il-proġett bħala l-pedament li jixpruna lill-Kunsill Lokali tal- Mosta biex wara li jinbena l-parkeġġ jew parkeġġi ġodda, jinħolqu żoni ġodda pedonali fil-Mosta.
Tul ix-xhur li għaddew Projects Malta Ltd nediet sensiela wiesa’ ta’ konsultazzjonijiet ma’ stakeholders differenti u d-dokument li se jinħareġ nhar it-Tlieta jirrifletti l-impenn u bosta suġġerimenti li saru.
Matul id-diskussjonijiet mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, naturalment minħabba r-Rotunda biswit fejn għandu jsir il-proġett, intlaħaq ftehim li l-Arċidjoċesi tappunta espert jew persuna tal-fiduċja tal-Arċidjocesi biex flimkien ma’ espert nominat mill-Gvern, iservi fuq bord tekniku. Dan se jkollu ċ-ċans li jiskrutinja l-proposta jew proposti li jiġu shortlisted mit-team tal-evalwazzjoni. Sa issa jirriżulta minn studji li diġa’ saru m’għandux ikun hemm problem bil-fatt li r-Rotunda hi mibnija ftit passi bogħod minn fejn għandu jsir ix-xogħol.
Dak tal-Mosta jista’ jkun l-ewwel minn sensiela ta’ proġetti ta’ dan it-tip bil-ħsieb hu li proġetti simili jsiru f’lokalitajiet oħra li huma bieżla u li jaraw ammonti kbar ta’ nies kemm għax-xiri kif ukoll għad-divertiment. Dan il-proġett huwa wkoll inizjattiva tal-baġit għal din is-sena.
Dettalji dwar ir-Request for Proposals jistgħu jitniżżlu mis-sit: www.projectsmalta.com/tenders. Sottomissjonijiet jintlaqgħu sal-14 ta’ Novembru, 2016.