“Impressjonati b’dak li sibna”. Kliem wieħed mir-riċerkaturi li taw sehemhom fil-proġett Oceana fl-ibħra Maltin. Proġett li qed jimmira biex ikunu protetti l-oċeani u l-ibħra madwar id-dinja.
Il-Fażi Life Baħar for N2K tal-proġett, li saret fl-akwakultura Maltija, għandha tidentifika tliet siti differenti taħt il-baħar li għandhom ikunu protetti b’mod efettiv.
L-istudju fl-ibħra Maltin intemm wara 140 jum, fejn kienu esplorati mal-230,000 kilometru kwadru, b’fond ta’ iktar minn elf metru.
Hawnhekk intużaw mal-206 robot ta’ taħt il-baħar, u saru ukoll 42 għadsa.
Matul l-espedizzjonijiet ir-riċerkaturi sabu mijiet ta’ speċi tal-baħar differenti li qatt ma kienu jafu bihom qabel, il-biċċa l-kbira xtieli ta’ taħt il-baħar, coral rari, u għerien taħt il-baħar.
Kollha sejbiet impressjonanti skont ir-riċerkaturi, għaliex sabu speċi ta’ pjanti li qatt ma dehru qabel fil-baħar Mediterran.
L-istudju li sar jirrikkjedi snin ta’ analiżi għalkemm xorta se jservi biex mill-iktar fis il-wirt naturali ta’ dawn is-siti ikun ippreżervat.
Iżda r-riċerkaturi kienu impressjonati wkoll mhux biss minħabba s-sejbiet marittimi ta’ Malta, imma sfortunatament bit-tniġġis li raw fl-ibħra Maltin, b’mod partikolari traċċi ta’ plastik.
F’xi nħawi tant kien hemm tniġġis prominenti li l-espedizzjoni kellha titwaqqaf għal żmien qasir minħabba ħsara li seta ġarrab l-apparat.
Dawn ir-riċerkaturi appellaw lill-pubbliku Malti biex jieħdu ħsieb l-ambjent marittimu tagħhom biex kemm jista jkun speċi rari ikunu mħarsa.
Dan kien proġett possibbli bis-sehem ta’ bosta entitajiet fosthom id-Dipartiment tal- Bijoloġija fl-Universita ta’ Malta, il-Ministeru għall-Ambjent, id-Dipartiment tal-Akwakultura, u l-Awtorita tal-Ambjent u Riżorsi. Fondi Ewropej għenu biex l-apparat li ntuża tull dawn il-140 jum ikun tal-aqwa kwalità.