Ir-restawr tal-pittura fuq il-ħajt ta’ Sidtna Marija fis-Santwarju tal-Mellieħa wasal biex jitlesta. Il-pittura tal-Madonna u t-Tarbija ġiet skoperta fl-1972 mir-restawratur Samuel Bugeja taħt pittura oħra.
Il-proġett kofinanzjat mill-Bank of Valletta, beda f’Novembru 2012 u sar f’kollaborazzjoni maċ-ċentru nazzjonali tar-riċerka ta’ Firenze.
Charles Azzopardi, kap marketing fil-Bank of Valletta ltaqa’ ma’ Fr Joe Caruana, il-Kappillan tal-Mellieħa, u mar-restawraturi fis-Santwarju tal-Mellieħa.
Il-pittura fuq il-ħajt hija maħsuba li tmur lura għas-seklu 15. Kienet sofriet sekli ta’ esponiment għall-elementi u għaddiet minn diversi proċeduri ta’ restawr. Wara studju ambjentali twil tat-temperatura, l-umdità u l-preżenza ta’ mluħa fil-blat, beda r-restawr fiżiku.
Imbagħad skoprew l-uniku saba’ li fadal mill-pittura oriġinali. Dan ippermetta li tinstab il-pożizzjoni oriġinali tal-id, li tfisser ħafna fl-ikonografija ta’ waħda mill-pitturi l-aktar bikrija ta’ Malta li għad fadal.
“Ir-restawr tal-pittura titolari jikkompleta l-proġett olistiku ta’ konservazzjoni tas-Santwarju kemm minn perspettiva arkitettonika kif ukoll dik artistika,” qal Fr Joe Caruana. “Minkejja li d-dettalji storiċi dwar il-pittura ma jeżistux, l-evidenza tal-pellegrinaġġi sa mill-15-il seklu huma prova definittiva li s-Santwarju kien, u għadu sal-lum sit ta’ sinifikat spiritwali.”