It-Tnejn waranofsinhar il-Pulizija mgħejjuna minn membri tal-Protezzjoni Ċivili sabu katavru ġewwa xaft ta’ blokka appartamenti. Il-każ seħħ fi Triq il-Ġifen ġewwa San Pawl il-Baħar fi blokka appartamenti bl-isem ta’ Paloma.
Il-katavru instab minn membri tal-Protezzjoni Ċivili li kellhom jiftħu aċċess għall-post li nstab il-katavru. Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li l-ġisem mejjet instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni qalb numru ta’ boroż bl-iskart. Il-każ qed jitqies bħala inċident, fejn kollox juri li l-persuna waqgħet ġo dan ix-xaft.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa.