Waqt xogħol ta’ tħaffir marbut mar-riabilitazzjoni tad-daħla tal-Belt Valletta, instabu ħitan antiki li jiffurmaw parti mill-fortifikazzjonijiet tad-daħla tal-Belt. Dawn il-fdalijiet instabu fejn qabel kien hemm il-latrini pubbliċi waqt li kien għaddej ix-xogħol biex minflokhom tinbena plant room ġdida bħala parti mill-proġett ta’ restawr tal-Funtana tat-Tritoni.
Kif saret is-sejba ġiet infurmata s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u saru diskussjonijiet fejn ġie deċiż li jsiru aktar investigazzjonijiet arkeoloġiċi. Għal dan il-għan bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ investigazzjonijiet arkeoloġiċi taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Is-Sovrintendenza talbet ukoll li din is-sejba tiġi protetta u integrata fil-proġett b’mod li l-ħajt jibqa’ viżibbli għall-pubbliku. Għal dan il-għan, flimkien mal-GHRC, saru diskussjonijiet biex din iż-żona tiġi msaqqfa u tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku bħala parti mill-proġett tal-Pjazza tat-Tritoni.
Fid-dawl ta’ din is-sejba saru xi tibdiliet fil-pjanti tas-substation biex jiġi evitat l-impatt fuq il-fortifikazzjonijiet il-ġodda. Ġie stabbilit li minħabba din is-sejba se jsiru xi modifikazzjonijiet fl-istruttura tas-substation biex ikun provdut aċċess sabiex is-sejba tkun tista’ titgawda mill-pubbliku ġenerali.
Il-ħitan antiki qed jiġu mikxufa biex isiru xogħlijiet ta’ dokumentazzjoni u ta’ investigazzjonijiet arkeoloġiċi. Din iż-żona hi magħrufa għall-importanza kulturali tagħha peress li tinkludi l-fortifikazzjonijiet tad-daħla tal-Belt, fosthom strutturi u anke foss maqtugħ fil-blat. Is-sejba ta’ dawn il-fdalijiet ma kinitx mistennija peress li x’aktarx hi modifikazzjoni fuq il-pjanti oriġinali u setgħet ġiet miżjuda matul iż-żminijiet.