Matul is-snin tal-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà Maltija kompliet tiżviluppa. Ħarsa f’diversi oqsma tindika li f’seba’ snin, il-qagħda tan-nisa tjiebet ferm.
Minn sitwazzjoni fejn numru qawwi ta’ nisa kien ikollhom jieqfu jaħdmu meta jkollhom l-ewwel wild, pajjiżna issa għandu rata ferm ikbar ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Dan wasal permezz ta’ miżuri li ħa l-Gvern ta’ Joseph Muscat mal-ewwel, primarjament is-servizz taċ-childcare b’xejn.
Fl-2012 kienu biss 44% tan-nisa li kellhom impjieg, biex illum dan ilaħħaq il-65%. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ qgħad fost in-nisa kważi naqset bin-nofs minn 5.9% għal 3.5%, u issa hija l-anqas qatt irreġistrata fl-istorja ta’ pajjiżna.
Bidla importanti oħra kienet li l-maġġoranza tal-impjiegi ġodda fost in-nisa kienu f’xogħlijiet full-time.
Matul is-sena l-oħra żdiedu wkoll sew l-ammont ta’ nisa f’xogħlijiet maniġerjali, bi 80% fuq l-2012. Il-prospetti biex aktar nisa jkollhom xogħlijiet bħal dawn jidhru tajbin ħafna għaliex fl-aħħar seba’ snin, il-proporzjon ta’ nisa b’edukazzjoni post-sekondarja jew ogħla tela’ għal 53%. Dan meta sal-2012 kienet tlaħħaq 40% biss.
L-aħħar statistika tal-Eurostat turi wkoll li n-nisa f’Malta bejn is-16 u l-64 sena għandhom dħul disponibbli ta’ ftit iktar minn €16,000 – €4,000 aktar mill-2012.
L-istatistika tindika wkoll li s-single mothers dipendenti fuq l-għajnuna soċjali naqsu b’aktar min-nofs, minn 75% għal 33% .
Dan it-tnaqqis drastiku ġej minn miżuri bħal tat-tapering tal-benefiċċji soċjali u l-inwork benefit li żiedu l-inċentivi biex dawn in-nisa jkun jaqblilhom isibu impjieg.
Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol wasslet ukoll biex jonqsu sewwa l-proporzjon ta’ nisa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan il-proporzjon issa naqas minn ftit aktar minn 24% għal kważi 20%. Jirriżulta wkoll li n-numru ta’ nisa f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqas minn 20,000 għal 8,000.
Dan huwa l-anqas ammont mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. L-aktar kategorija ta’ nisa li raw titjib kienu n-nisa anzjani.
Dan wasal ukoll b’miżuri oħra li ħa l-Gvern imexxi minn Joseph Muscat fosthom it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma u ż-żieda fil-pensjonijiet fosthom anki dik tar-romol.
Fil-fatt fl-2012 il-Gvern kien jonfoq €114-il miljun fuq il-pensjoni tar-romol, illum jonfoq kważi terz aktar. Grafika 6
Barra minn hekk, saru riformi fis-sistema tal-pensjonijiet li jolqtu tajjeb lin-nisa. Iddaħħal bonus għal nisa li ma għandhomx kontribuzzjonijiet biżżejjed biex jieħdu pensjoni. Ġiet introdotta l-possibilità li persuna b’mod volontarju tħallas bolla għal snin fejn ma ħadmitx, kif ukoll tjiebu ħafna l-krediti li jingħataw lin-nisa li kienu waqfu jaħdmu minħabba li kellhom it-tfal. Dan minbarra li għal dawk ir-romol li jkollhom pensjoni taghhom, il-Gvern ma għadux inaqqas il-pensjoni tas-sieħeb tagħhom meta dan jiġi nieqes.
Joseph Muscat bħala Prim Ministru qed iħalli warajh ukoll sitwazzjoni fejn id-differenza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol tnaqqset drastikament. Nisa li tradizzjonalment kienu f’qagħda vulnerabbli ngħataw iċ-ċans li jtejbu sewwa s-sitwazzjoni tagħhom biex b’hekk it-tkabbir ekonomiku beda jasal ukoll għand dawk in-nisa li fis-snin l-imgħoddija kienu njorati.