F’konferenza ġenerali li ppreżentat l-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers Union, ġie elenkat ix-xogħol li sar fl-aħħar erbgħa snin, li minkejja l-aħħar sena l-pandemija xekklet xi ftit ir-ritmu, xorta waħda saru numru ta’ laqgħat u tressqu proposti illi minnhom igawdu l-anzjani f’pajjiżna.
L-Għaqda ħadet irwol attiv f’dak li jkun qed jiġri f’pajjiżna, b’mod speċjali dak kollu li jolqot lill-pensjonanti u lill-anzjani Maltin u Għawdxin.
Fost l-oħrajn, l-għaqda kienet tat is-suġġerimenti tagħha dwar il-vouchers tal-mitt ewro li l-Gvern qassam lil kull persuna li għandha ‘l fuq minn 16-il sena.
Is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti, Tony Zarb, spjega li l-Gvern ikkunsidra suġġeriment li tat dwar it-tieni rawnd ta’ vawċers tal-mitt ewro tal-Gvern.
Huwa qal, “U aħna għadna li l-anzjani jkollhom bżonn vouchers iżgħar, infatti l-Gvern laqa’ t-talba tagħna u min-naħa tiegħu issa ħareġ ukoll il-vouchers tat-€10 u tal-€15 illi ġiet milqugħa, b’talba tajba mill-anzjani.”
Fl-aħħar xhur l-għaqda waslet għall-kompromess mal-bank HSBC li rreveda l-pożizzjoni tiegħu li jimmulta lill-persuni li jiddepożitaw inqas minn €2,300 kull tliet xhur. Għalhekk, wara r-reviżjoni d-depożitu niżel għal €1250 kull tliet xhur li jfisser €416 fix-xahar; u għalhekk il-maġġoranza tal-pensjonanti se jkunu eżentati milli jħallsu l-multa ta’ ħames ewro fix-xahar.
Dan apparti li ħadet sehem f’diversi diskussjonijiet ta’ qabel il-budget li jagħmel il-Gvern biex tressaq ‘il quddiem xi anomaliji fil-pensjonijiet.