Illum il-Parlament qed jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi. Mozzjoni ta’ sfiduċja li tressqet mid-deputat indipendenti Marlene Farrugia ftit wara li l-Gvern kien għadu kif għeleb b’saħħa mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni.
Marlene Farrugia riedet iddum tiddiskuti din il-mozzjoni jum sħiħ, filwaqt li l-Gvern (li għandu kull dritt jiddetta l-aġenda tal-Kamra) ried tliet sigħat kif normalment dejjem jiġri.
Wara diskussjonijiet intlaħaq qbil li d-dibattitu idum għaddej ħames sigħat b’Farrugia u l-Oppożizzjoni jinsistu li l-importanti ma jdumux iktar mid-21.30.
Aġġornat minn fuq għal isfel. Agħfas refresh għall-aħħar aġġornamenti bil-kitba.
21:34: 31 vot favur u 36 vot kontra – il-mozzjoni m’għaddietx.
Konrad Mizzi qal li mhux ser jivvota fil-mozzjoni. Il-mozzjoni m’għadditx. Issejħet division. Il-membri għandhom żewġ minuti biex jivvotaw.
21:00 Novella minn Marlene Farrugia li qablet lil Malta ma’ bintha, lil Konrad Mizzi mar-raġel ta’ bintha li flimkien marru honeymoon imma mbagħad inxtrat dar minn wara dar bintha. Faħħret lill-Onorevoli Godfrey Farrugia tad-diskors imqanqal tiegħu. Kritikat Projects Malta għaliex qalet li ma tafx x’qed jiġri fi ħdanu. Qalet li Partit Laburista fil-Gvern ma jistax jibqa’ jinnegozja f’isem in-nies. “Ħadd m’hu qed jgħidlu lil Konrad Mizzi ma jtihx xogħol ieħor, imma ma jistax ikun membru tal-Kabinett”, qalet Marlene Farrugia dwar x’temmen li għandu jagħmel Joseph Muscat fil-konfront tal-Ministru Mizzi. Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn – dan huwa l-parir ekonomiku ta’ Marlene Farrugia. Temmen li qed jinbiegħ il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. ‘Viva Malta’ – temmet tgħid Farrugia.
20:50 Il-Ministru George Vella qal li r-rieda tal-Gvern biex jammetti żbalji, biex jitkellem dwar doveri u korrettezza hija xi ħaġa li qatt ma esperjenza, u hija xi ħaġa pożittiva. Qal li ‘onorevoli’ mhux biss titlu, imma hija stil ta’ ħajja. Saqsa lil Simon Busuttil jġib provi qabel jirrepreti l-mantra ‘korrott’. Qal li l-Partit Nazzjonalista rikeb fuq Marlene Farrugia fuq suġġet li għasruh iżżejjed u li dejqu lin-nies bih. Tkellem b’rabja dwar il-mod li bih il-ġurnal il-Mument irrapporta dwar dak li jsir f’Ministeri.
20:40 Il-Ministru Chris Cardona qal li l-iskandlu tal-Palazz ta’ Beppe Fenech Adami jġiegħlu jsaqsi lil Simon Busuttil x’qed jistenna biex ineħħih minn Viċi Kap. Qal li altru mid-dikjarazzjonijiet negattivi tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ser ikompli jirrispondi mhux b’ħafna suppervja imma b’aktar investimet u ġid għal kulħadd. Qal li l-akbar arma huwa t-tkabbir ekonomiku u l-ġid li qed jinġieb lejn il-pajjiż.
20:30 Il-Ministru Owen Bonnici sostna li, kuntrarjament għal dak li kien iseħħ fi żmien Gvernijiet preċedenti, għandna Prim Ministru li jieħu d-deċizjonijiet. Qal li minkejja skandli bħal dawk tal-VAT, tat-trasport, tal-MMA, taż-żejt u ta’ Borg Hedley, ħadd qatt ma refa’ r-responsabbilta’ politika. Sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat, mill-banda l-oħra, jieħu d-deċizjonijiet.
Bonnici saħaq li waqt li l-Gvern daħal lejn dan id-dibattitu b’umiltà u b’sens ta’ riflessjoni ta’ kif l-affarijiet jistgħu jsiru ahjar, jibqa’ l-fatt li dan hu l-ewwel Gvern li mill-bidunett neħħa l-preskrizzjoni mir-reati ta’ korruzzjoni magħmula mill-politiċi.
20:15 Min-naħa tagħha, id-Deputata Deborah Schembri, filwaqt li rrimarkat il-ġid li ġabet il-politika ta’ dan il-Gvern, hija osservat l-apoloġija ta’ Konrad Mizzi u apprezzat id-diskorsi tad-Deputati Godfrey Farrugia u Evarsit Bartolo li kienu realistiċi.
19:50 Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’diskors imqanqal qal li qatt ma sema’ Ministru jiskuża ruħu għan-nuqqasijiet tiegħu.
B’referenza għad-diskors ta’ Busuttil qal li dan qed jipprofessa ruħu bħala ġudikant. “Żgur li m’għandiex l-arroganza tal-Oppożizzjoni – politika ta’ min jaħseb li għandu dritt divin li jmexxi pajjiż. Jibni stejjer f’moħħ in-nies u jkun irid lil ħaddieħor jemmnu kif irid hu.”
Muscat qal li Busuttil fid-diskors tiegħu qal li ħadd f’din il-kamra m’għandu m’għandu kont il-Panama. “Mela qed tikkonferma li lanqas jien m’għandi kont.”
Fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa b’miljun ewro f’direct order mingħand il-Gvern. U fakkar li fil-kont tal-Viċi Kap tiegħu u li fih għandu miljun ewro.
“Dak li qalu Konrad Mizzi u sħabi, nuru li ma ħadniex gost b’ċerti affarjiet li ġraw. Jien ħadthom id-deċiżjonijiet u nerfa’ r-responsabilita’ – niġu hawnhekk u nitkellmu fuq is-suċċessi tagħna u fuq in-nuqqasijiet tagħna.”
B’dak li qal Busttil dwar Leo Brincat iżjed qabel, Muscat staqsa jekk dan hux qed jindika li se jimmina n-nomina tiegħu fil-Qorti tal-Awditur. Fakkru kif il-Partit Laburista fil-Gvern dejjem ikkopera mal-Gvern, inkluż fin-nomina ta’ Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew.
Il-Prim Ministru qal li għalfejn ma neħħejtuhx il-Heavy Fuel Oil f’25 sena? “Għax kien hemm il-commissions involuti…għalhekk ma ridtux tneħħu l-heavy fuel oil,” qal fil-pront Muscat b’refrenza għall-politika tal-enerġija.
19:20 Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil beda d-diskors tiegħu hekk: “F’isem l-Oppożizzjoni rrid inħabbar li l-Oppożizzjoni se tivvota favur il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia.” Ma taniex sorpriżi ovvjament. Huwa qal li Konrad Mizzi lanqas għandu jkun Deputat tal-Kamra.
Dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet u kwalita’ ta’ arja iktar nadifa, Busuttil qal li dan sar bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista. “Qed jiftaħru b’rix ħaddieħor,” ħambaq il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan jikkuntrasta ferm ma’ dak irrappurtat fil-jiem li għaddew għaliex l-Enemalta kkonfermat li l-lokalitajiet tal-inħawi tal-Marsa qed igawdu minn kwalità ta’ arja aħjar u l-ilmenti dwar it-trab l-iswed waqfu kompletament. Skont studji li saru b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, f’Jannar ta’ din is-sena, l-ammont ta’ emissjonijiet SO2 (sulphur dioxide) fl-arja fl-inħawi tal-Marsa naqsu b’madwar 80%.
19:00 Evarist Bartolo ibbaża d-diskors tiegħu fuq il-moralità. Irrefera għall-mentalità ta’ min jirrikorri għand il-politiċi biex dawn ‘jieħdu ħsiebhom’ . Qal li statistika turi li hemm nies li lesti jagħtu kredibilità lil individwi fil-mezzi tax-xandir milli mill-mezzi nfishom, u din hija lezzjoni għal politiċi wkoll. Tkellem kontra networks sigrieti u ta’ ħbieb li jxekklu l-mod ta’ kif jittieħdu deċiżjonjiet. Faħħar il-Whistleblower Act u qal li hemm bżonn titrawwem kultura li tagħmel kuraġġ lin-nies biex jiġu ‘l quddiem b’dak li jkunu jafu. Faħħar it-tneħħija ta’ preskrizzjoni fuq politiċi u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
18:41 Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap Mario De Marco, li hu nnifsu qiegħed f’nofs skandlu minħabba xogħol li ma ħallasx għalih, irrepeta dak li qalu ta’ qablu. Tkellem li hi diffiċli li wieħed jitkellem dwar ir-riżenja ta’ kollega iżda mbagħad issokta bl-attakk ta’ dawk ta’ qablu.
18:24 Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għamel referenza għall-kisbiet li għamlet din l-amministrazzjoni fis-settur tas-saħħa, inkluż it-tnaqqis tal-mediċina out of stock u t-tnaqqis ta’ persuni minn fuq il-listi ta’ stennija.
Fl-2012, meta d-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg dak iż-żmien kienet taħdem fil-Ministeru tas-Saħħa, kien hemm 76 infermier u 54 tabib fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Illum, skont Fearne, hemm 120 infermier u ħdax ieħor fid-Dipartiment tal-Emerġenza tat-Tfal, u 73 tabib.
B’reazzjoni għall-stqarrija riċenti ta’ Buttigieg, deskritta bħala waħda “grassa” minn Fearne, jiġifieri li din l-amministrazzjoni qed tpoġġi n-nies fl-istores, il-Ministru ċaħad dan kategorikament u qal li dan mhux minnu. “Aħna mediċini għandna fl-istores, mela nies! Is-sena li għaddiet naqqasna 90% tan-nies li kienu qegħdin fil-kuruturi,” qal b’sodisfazzjon il-Ministru.
18:17 Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg fakkar fir-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-enerġija aktar nadifa. Id-Deputat għamel referenza għal meta l-Kap Nazzjonalista, qabel l-elezzjoni li għaddiet kien Viċi Kap Nazzjonalista, kien tal-fehma li n-nies iqumu f’nofs ta’ lejl biex jaħslu l-ħwejjeġ bit-tariffa ta’ bil-lejl.
17:55 Konrad Mizzi hija persuna li refgħat ir-responsabilita’ u dak li jinteressahom lin-nies. Hekk qal Edward Zammit Lewis, Ministru għat-Turiżmu. Tkellem dwar Gvern li jġib investiment kontra Oppożizzjoni li xxekkel l-investiment. Il-politika ma jemminx li għandha taqa’ f’medjokrità ta’ kap li jmur jitkellem kontra l-pajjiż fuq stazzjoni televiżiv Taljan. Kritika l-fatt li għal darb’oħra dan id-dibattitu qed jiffoka fuq l-istess suġġett. “Irrid nibgħatu messaġġ li f’pajjiżna hawn serjetà u serenità” temm jgħid Zemmit Lewis.
17:37 Beppe Fenech Adami jitkellem issa. Konrad Mizzi għamel bħal m’għamlu il-korrotti, jgħid Beppe. Lispeaker ikollu jintervjeni kemm-il darba biex jgħid lil Beppe jindirizza lilu u mhux direttment lin-naħa l-oħra tal-Kamra.
17:23 Godfrey Farrugia jagħraf li għandu kunflitt għax hemm mozzjoni li ressqitha Marlene, li jiddedika ħajtu għaliha. ‘Ħadd minn hawn ma jixtieq ikun xagħra f’ġismi’ – il-mozzjoni pero’ jemmen hi valida. Nhar l-ewwel ta’ Mejju ma marx il-Belt biex jiċċelebra mal-folla imma ċċelebra fil-kwiet. Qed naġixxu qisna kelb u qattus, qal Godfrey Farrugia. Imqanqal kważi jaqbżulu dmugħ u jgħid li jemmen fil-korrettezza u li jrid jiddedika ruħu għal bidla u għal ħaddieħor. Qal li minkejja l-Panama Papers, hemm miżuri tajba li twettqu favur governanza nadifa u kontabbli.
17:07 Skont Claudette Buttigieg, il-Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed ‘jiċċaċċra’. Tilgħab bil-kliem u ssejjaħ lil Konrad Mizzi delivery person – b’referenza għal fatt li Mizzi qal x’differenza ġab kemm dam Ministru responsabbli mis-saħħa u l-enerġija.
Għal Claudette Buttiġieġ, li tipprova tiftah kont barra minn Malta huwa attempted money laundering.
B’ton li xejn mhu denju fil-Parlament, Claudette Buttigieg tikkritika l-waiting lists li qed jonqsu drastikament għal servizz f’Mater Dei. Għaliha ma tfisser xejn li l-operazzjonijiet qed isiru nhar ta’ Ħadd. Tgħid li x-xemx ma telgħatx f’Marzu 2013.
16:53 Il-Ministru Konrad Mizzi qal li għamel li għamel fl-interess tal-familja tiegħu. Aċċetta li għalkemm m’hemm xejn illeċitu f’ dak li għamel, għandu responsabilità politika. Jerfaha, jemminha, u qed iġorra bid-decizjonijiet tal Prim Ministru. B’responsabilità irriżenja minn Deputat Mexxej, kariga li kienet għal qalbu. Issottometta ruhu għal tax audit – ħaga li ebda Membru Parlamentari qatt m’għamel. Ma riedx lil min għandu interess jimmina l-Gvern juża l-każ tiegħu. Ma jiddejjaqx jiġi quddiem il-kamra u jitlob apologija lil kulħadd. B’sens ta’ responsbailità politika, lest jaqdi dmiru fix-xogħol ta’ Ministru. Ser jaħdem b’kollaborazzjoni għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Ministru Mizzi elenka dak kollu li Gvern Nazzjonalista m’għamilx f’25 sena fis-settur tal-enerġija.
16:35 Ix-shadow Minister Nazzjonalista bdiet billi kwotat filosofu Griek. Xeħtet dubju fuq il-fatt li Konrad Mizzi huwa high achiever u fuq wieħed mill-aqwa proġetti li qed jagħmel dan il-Gvern: il-qalba minn żejt li jniġġeż għal gass. Skont Marthese Portelli, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux vera raħsu u dan qed jagħmel dannu għan-negozji Maltin. Sal-bieraħ, statistika kkonfermat li fl-2015 kien hemm żieda ta’ 8,615-il azjenda f’pajjiżna, jew kważi azjenda kull siegħa. Biex tagħmel punt, tikkwota t-Times of Malta. Fuq l-Enemalta, li dan il-Gvern salvaha minn falliment, titkellem fuq ‘tal-qalba’. Biex tispiċċa kwotat lil Einstein.