Mill-4 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Jannar, il-villaġġ tad-divertiment Gianpula se jinbidel fi spettaklu ta’ dwal ikkuluriti għal żmien il-Milied.
Dan l-avveniment, li se jara t-toroq tal-villaġġ jiżżejnu kollha bi strutturi mdawla, se jkun ta’ spettaklu għall-familja kollha, u se jsir b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Id-diversi strutturi se jingħataw il-ħajja bid-dawl u joħolqu atmosfera maġika, kif spjegat il-koordinatur tal-avveniment Sarah Aquilina.
Hija spjegat: “Kif qed tara huma strutturi kbar li jingħataw il-ħajja bid-dawl. Hemm affarjiet bħal annimali, kreaturi tal-immaġinazzjoni bħall-‘Candy House’, hemm affarjiet ta’ taħt il-baħar bħall-‘Coral World’ u għandna strutturi relatati mal-Milied.”
Lil hinn mix-xogħol li qed isir biex tinħoloq atmosfera ta’ Milied, għaddej xogħol ikbar biex min jattendi jħossu sigur f’dan iż-żmien ta’ pandemija.
Aquilina sostniet: “Din hija “drive-through u qatt m’għandek tinżel mill-karozza tiegħek. L-istaff minn mal-bieb se jgħidulek biex ittella’ t-tieqa biex niscanjaw il-biljett bit-tieqa magħluqa ħalli ma jkollokx kuntatt mal-istaff tagħna madwar it-triq.”
Kull min jixtieq jattendi jista’ jibbukja b’mod elettroniku minn fuq is-sit “showshappening” u jsib l-avveniment “The Magical Illuminated Trail”.