Nhar is-7 t’April, Forti Sant’Anġlu se jiftaħ għall-pubbliku bi prezz imraħħas ta’ €2, bil-pubbliku jkollu l-opportunità jsegwi r-Regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir mis-swar ta’ din il-forti.
Forti Sant’Anġlu tiddomina l-ponta tal-Birgu kif ukoll il-Port il-Kbir u toffri l-aħjar dehra għad-dilettanti tar-Regatta biex isegwu t-tiġrijiet tradizzjonali tad-dgħajjes Maltin. Ir-Regatta ssir darbtejn fis-sena fil-Port il-Kbir.
Ir-Regatta tibda fis-1.00pm u tkun kontestata minn seba’ distretti differenti. Il-qaddiefa jieħdu sehem f’għaxar tiġrijiet maqsumin f’żewġ kategoriji fejn mhux biss jispikkaw il-ħila u s-saħħa tal-qaddiefa iżda wkoll id-dgħajjes tipiċi Maltin bħal frejgatini, kajjikki, tal-pass u tal-midalji.
Dakinhar mal-ġurnata l-viżitaturi fil-Forti Sant’Anġlu se jkollhom l-opportunitá jsegwu l-ħiliet u ġlied bix-xwabel minn membri tal-Malta Historical Fencing Association. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jżuru wkoll il-parti ta’ fuq tal-istess forti mmexxija mill-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta. Minbarra ż-żjara bi gwida li ssir kuljum fil-11.00am, dakinhar se jsiru żewġ żjajjar żejda bi gwida li jibdew f’12.00pm u fis-1.00pm Il-biljetti għal dawn iż-żjajjar huma apparti mid-dħul għall-forti u jiswew €5 (adulti), €3 (studenti u anzjani), u €1.50 (tfal). Kull żjara hi miftuħa għal massimu ta’ 50 persuna.
Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ sakemm tintemm ir-Regatta, jiġifieri bejn id-9.00am u s-6.00pm, bl-aħħar dħul isir fil-5.30pm
Iktar tagħrif dwar attivitajiet organizzati minn Heritage Malta jinkiseb minn fuq il-website tal-aġenzija, http://www.heritagemalta.org