Il-Parlament iddiskuta mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat li resqet Marlene Farrugia u li kellha l-appoġġ ta’ Simon Busuttil. Il-mozzjoni m’għaddietx bi 30 vot favur u 35 kontra. Kien Beppe Fenech Adami li issekonda l-mozzjoni mressqa minn Marlene Farrugia.
20:55 Marlene Farrugia Membru Parlamentari Indipendenti
“Jiena għodda f’idejk” tgħid Farrugia – temmen li tista’ tkun ta’ servizz lill-poplu Malti. Tinsisti li l-Prim Ministru huwa salesman ta’ dak kollu li huwa patrimonju tal-poplu Malti.
20:40 George Vella Ministru
Għaliex in-naħa l-oħra qiegħda taħlef b’dan il-każ? L-Oppożizzjoni fuqhiex tridha tikkritika lil Gvern? Domandi li saqsa George Vella filwaqt li awgura li l-Oppożizzjoni tibqa’ hekk, għalkemm din l-attitudni ma tawgura ebda ġid għal pajjiż. L-Oppożizzjoni qatt ma kellha l-interess tal-pajjiż għal qalbha, osserva Vella, li għandu esperjenza twil fil-poiltika. Dan hu mezz kif l-Oppożizzjoni tipprova taljena lill-poplu.
https://www.youtube.com/watch?v=JJ2q94FDeHc&feature=youtu.be
20:30 Silvio Schembri Membru Parlamentari
Schembri tkellem dwar oppożizzjoni bitter, immexxija minn Daphne Caruana Galizia u l-Boċċa, Beppe Fenech Adami u nies tat-tip tagħhom. Labour tfisser ħaddiem u xogħol, u dan huwa Gvern li bil-fatti qed joħloq ix-xogħol, ikabbar l-ekonomija, idaħħal drittijiet ċivili ġodda u jiggarantixxi livell tal-għixien aħjar għall-famijli Maltin u Għawdxin. Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa theddida għal dawk kollha li jixtiequ jimxu ‘l quddiem.
20:25 Deo Debattista Membru Parlamentari
Jekk tmur Dubai ħażin, u jekk tmur Ruma u tieħu hamburger ħażin ukoll. B’ton ċajtier osserva dan Deo Debattista, biex jgħid li tal-Oppożizzjoni donnu kollox tajjeb.
21:12 Deborah Schembri Segretarju Parlamentari
Dan il-Gvern m’għandu xejn minn xiex jibża jew jiddejjaq għax għandu rekord eċċellenti ta’ twettiq tal-manifest elettorali, sostniet Schembri.
20:05 Michael Falzon Membru Parlamentari
Falzon tkellem dwar l-importanza li l-awtoritajiet politiċi f’pajjiżna jikkoperaw fejn tidħol l-ekonomija, filwaqt li jerfgħu responsabilità.
19:50 Joseph Muscat Prim Minsitru
Il-Prim Ministru qal li d-diskors ta’ Simon Busuttil juri d-differenza bejn attitudni ta’ min jaħseb li hu perfett u min jgħid li dejjem jista’ jagħmel aħjar. Id-“deputat Kap tal-Oppożizzjoni” donnu mmexxi minn xi ħadd li jiktiblu fuq l-internet dak li għandu jgħid, u hu jirrepeti dak li jgħidulu. “B’mod maħmuġ juża nofs veritajiet” qal Joseph Muscat dwar Simon Busuttil “u joħroġ l-agħar tal-politika.”
Għal Kap tal-Oppożizzjoni, jeżistu żewġ regoli, qal Joseph Muscat; dawk li japplikaw għall-Oppożizzjoni u dawk li japplikaw għall-Gvern.
Jekk xi darba jkun fil-Gvern u jkun Prim Ministru Simon Busuttil, jispiċċa jitlob ikun jaf kemm għandhom flus fil-bank ċittadini privati, kif qed jitlob li jagħmel dwar Keith Schembri.
Vera li Busuttil issospenda lix-xufier tiegħu, innota l-Prim Ministru, iżda jekk verament jemmen dak li jippriedka, jispiċċa waħdu għaliex ikollu jissospendi lil kulħadd.
Il-Prim Ministru qal li fil-Parlament jixtieq jiddibatti dwar l-ekonomija u dwar ir-rapport tal-Caritas, mhux dwar nofs veritajiet, jekk mhux gideb infondat.
https://www.youtube.com/watch?v=hgfW27CBmdY
19:07 Simon Busuttil Kap tal-Oppożizzjoni
Simon Busuttil reġa’ ltaqa’ ma’ xi ħadd. Din id-darba jgħid li ltaqa’ ma koppja anzjana li tgħix bil-pensjoni. Ma dawn isemmi wkoll pazjenti jridu jieħdu l-mediċina u nies morda bil-kanċer, li skont hu jinsabu iddiżgustati – ma jsemmix iż-żieda fil-pensjonijiet għall-ewwel darba wara żewġ deċenji, il-fatt li mediċini out of stock saru ħaġa tal-passat, u infetaħ sptar ġdid tal-onkoloġija.
“Allat” – b’dan il-mod irrefera għal “dawk ta’ Kastilja”.
“Tibdiex tgħajjat għax għandi ħafna xi ngħid fuqek illum” – hedded Simon Busuttil lill-Ministru Joe Mizzi.
B’ton ta’ arroganza l-Kap tal-Oppożizzjoni sfida lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex ikeċċih mill-Kamra meta dan ġibidlu l-attenzjoni li ma setax ikompli jikkummenti dwar il-vot li ttieħed il-bieraħ kontra mozzjoni tal-oppożizzjoni li appella deċizjoni tal-Ispeaker dwar mozzjoni ta’ Marlene Farrigia.
Kritika liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għax “ma’ tantx jidher quddiem il-cameras”.
“Parti mill-annimali” tenna Simon Busuttil għal darba darbtejn dwar l-Oppożizzjoni li jmexxi hu. Minkejja li niesu stess kienu kruċjali biex infetħu kontijiet fil-Panama u l-British Virgin Islands, Simon Busuttil reġa preżenta ruħu b’subajgħ ippontati lejn ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Simon Busuttil jemmen li l-Prim Ministru għandu jgħid lil Keith Schembri “tista’ titlaqli minn hawn” – eżiġenza li hu qatt ma tenna lil Anne Fenech jew inkella lil Francis Zammit Dimech, meta dawn iffaċilitaw il-ftuh ta’ kumpaniji offshore.
Jitkellem dwar “kumbinazzjonijiet kbar” – iżda mhux dwar fatti. Dawn il-kumbinazzjonijiet jitkellmu l-aktar dwarhom bloggers Nazzjonalisti li qed ikunu kruċjali fit-tfassil il-pjan distruttiv tal-Partit Nazzjonalista.
18:52 Helena Dalli Ministru
Il-Ministru Dalli tgħid li tħossha tgħix f’pajjiż ieħor meta tisma’ d-doom and gloom kollu li ġej mill-Oppożizzjoni. Sabiex il-poplu jagħti każ l-Oppożizzjoni, saħqet il-Ministru, trid tkun pożittiva. Tkellmet dwar il-fatt li huwa dan il-Gvern li qed jagħti drittijiet umani lil tant kien hawn nies għatxana għalihom – b’kuntrast, l-Oppożizzjoni astjeniet f’deċiżjonijiet dwar l-Unjoni Ċivili. Astjeniet fil-ġlieda kontra l-prekarjat, fl-inroduzzjoni tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, fost miżuri oħra li qed jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies.
https://www.youtube.com/watch?v=lmNDhupevhA&feature=youtu.be
18:24 Chris Said Shadow Minister
“Jekk il-Gvern qed jaħseb li se jagħlaq il-każ tal-Panama Papers malajr qed jgħarralu” insista Chris Said. Maqdar lill-Gvern fuq trasparenza. L-istess Said li flimkien ma’ Simon Busuttil kien ilu jafu b’racket enormi li kien jinvolvi r-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex. Minflok qalu biex jagħmel rapport jew li jmur hu stess jagħmel rapport dwar dan il-każ, Chris Said wiegħed lill-whistleblower li ser jgħinu kif jista’. Minkejja dan kollu, Said jemmen li huwa dan il-Gvern li “jaħseb li n-nies huma bċieċen”.
18:04 Evarist Bartolo Ministru
Il-Ministru Bartolo tkellem dwar adoloxxenti li m’hemmx post għalihom għaliex sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli. In-nies ikollhom fiduċja fil-politiċi meta jagħtu każ nies bħal dawk ta’ bejn it-13 u s-16-il sena li qed isibu ruħhom il-ħabs, sostna l-Ministru għall-Edukazzjoni. Mhux biss il-politiċi għandhom ikunu leali lejn il-fatti, iżda anke l-mezzi tax-xandir.
https://www.youtube.com/watch?v=FITQq5p7eAA&feature=youtu.be
17:40 Manuel Mallia Ministru
Din il-mozzjoni hija l-agħar forma ta’ inġustizzja għax wara li diġa’ kkundannaw lil Keith Schembri, issa jridu jerġgħu jttellugħ quddiem kumitat biex jgħadduh ġuri, osserva Mallia. Il-Prim Ministru ra f’Keith Schembri kwalitajiet li seta’ jkun wieħed mill-muturi li jagħti r-rebħa massiċċa fl-elezzjoni u wara appuntah Chief of Staff. Kulħadd kien jaf li kellu suċċess personali u kellu l-ġid. Il-Ministru qal li ma jaqbilx ma’ Marlene Farrugia li Schembri jindaħal lill-Ministri. “Kemm qabel kif ukoll issa ma sibtux ta’ xkiel iżda ta’ għajnuna.” Appella biex kulħadd jaħdem għal-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
https://www.youtube.com/watch?v=Dll1Kiu7uQI&feature=youtu.be
17:16 Paula Mifsud Bonnici Shadow Minister
Skont Paula Mifsud Bonnici, pajjiżna jinsab fi “kriżi sħiħa ta’ korruzzjoni”. Ma jablux magħha ta’ Moody’s. Fuq pajjiżna, qalu hekk:
“Malta’s very high institutional strength assessment is underpinned by the country’s very favourable scores on the Worlwide Governance Indicators as well as by its robust policy framework”.
“Government effectiveness, rule of law and control of corruption… above the median for Moody’s A-rated sovereigns and significantly above its rating peers”.
17:02 Ian Borg Segretarju Parlamentari
“Dibtattitu mimli dwejjaq” – hekk isejjaħ dak li qed jiġri fil-Parlament. Meta jazzarda jitkellem dwar it-traffiku, tinstema’ Marthese Portelli fl-isfond. Ċertu proġetti, jgħid Ian Borg, bħaċ-child care b’xejn, tal-PN ma kienux jemmnu li kapaċi jitwettqu.
https://www.youtube.com/watch?v=8j41SITeMvc&feature=youtu.be
16:50 Etienne Grech Membru Parlamentari
Skambju bejn l-Onorevoli Grech u x-Shadow Minister Marthese Portelli. Jistaqsi kemm huma vijabbli miżuri fil-pjan short term għat-traffiku, li Portelli ħejjiet wara tmien xhur. Portelli tqum u tinsisti li r-rapport jagħmel sens meta jipproponi li l-poplu ma jużax il-karozzi kuljum, imma daqqa iva u daqqa le.
https://www.youtube.com/watch?v=t6rI6tbd-iA&feature=youtu.be
16:30 Kristy Debono Shadow Minister
Kristy Debono tgħid li l-Prim Ministru jeħtieġ jitkellem dwar fatti. ‘Mud really sticks’, tgħid is-shadow minister li sal-bieraħ ma setgħatx tispejgalna minn fejn il-PN ġab provi li l-faqar f’Malta qed jiżdied, fid-dawl li rapport ippublikat mill-Caritas jgħid mod ieħor.
16:18 Anthony Agius Decelis Membru Parlamentari
Fakkar li l-Parlemanet diġa ivvota kontra mozzjoni ta’ sfiduċja, allura jidher ċar kemm hija kbira x-xewqa tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jsir hu Prim Ministru. Membri Parlamentari Laburisti huma magħquda flimkien u ma jibżawx jiddiskutu.
https://www.youtube.com/watch?v=B0c3w9sISm8&feature=youtu.be
16:06 Chris Cardona Ministru
Hija ironija, qal il-Ministru, li Beppe Fenech Adami jitkellem fuq iż-żejt u l-ħmieġ meta l-iskandlu tax-xiri taż-żejt seħħ qabel l-elezzjoni, meta Simon Busuttil m’għamel xejn meta sar xogħol għal voti minn fondi pubbliċi u meta Beppe Fenech Adami qatt ma ssottometta ruħu għal tax audit, minkejja dak li ħareġ dwar il-palazz tiegħu. Il-Gvern irnexxilu jġib erba’ darbiet iżjed milli ġab Gvern preċendenti, fakka il-Ministru. ‘Xi tridna niċċensuraw?’ staqsa l-Ministru u elenka l-kisbiet tal-Gvern. Qal li Marlene Farrugia spiċċat saret għodda f’idejn l-Oppożizzjoni u qed jinħela wisq ħin f’diskussjonijiet bħal dawn li m’huma jwasslu mkien.
https://www.youtube.com/watch?v=3H5-IBbbPaQ&feature=youtu.be
15:36 Beppe Fenech Adami Viċi Kap PN
Ma kinitx sorpriża li fetaħ is-sessjoni Beppe Fenech Adami – wieħed mill-aktar vuċijiet voċiferi li qed jorkestraw il-kampanja distruttiva li qed jadotta l-Partit Nazzjonalista. Il-Viċi Kap u sid ta’ Palazz fil-Għargħur (li b’daqqa ta’ pinna taħt amministrazzjonijiet preċedenti sar jiswa l-miljuni) tkellem dwar skandlu ta’ korruzzjoni.