Fil-lista tax-xhieda li ppreżentat Marsovin fil-każ li għandha mal-benefattur tal-PN Zaren Vassallo, jissemma biss Jason Azzopardi u ebda Ministru ieħor. Marsovin tgħid li qed titlob lil Jason bħala xhud, bħala l-persuna li nnegozja u ffirma l-kuntratt dwar art. Ma fadal ebda dubju min kien il-‘Ministru’.
Dan qaluh il-Ministru Owen Bonnici u l-Avukat Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Zaren Vassallo, bil-ġurament quddiem il-Qorti, ikkonferma li ltaqa’ mal-Ministru responsabbli mil-Lands u ġie imwiegħed kompromess dwar l-art tal-Lowenbrau. Liema kompromess fil-fatt ingħata u ngħalaq minn Jason Azzopardi bħala Ministru tal-Lands. Azzopardi pprova jitfagħha fuq l-eks Ministru Tonio Fenech, imma wieġeb Fenech stess, li kkonferma li Jason Azzopardi kien effettivament il-Ministru tal-Lands dak iż-żmien.
“Is-swaba kollha qed jippontaw lejn Jason Azzopardi” intqal illum. Meta dan kien Ministru, ippermetta li l-Gvern idaħħal biss €700,000 ta’ art li, libera u franka, tiswa aktar minn tmien miljun ewro. Dan għaliex intużaw valuri ta’ 22 sena qabel.