Tmiem-il ġimgħa speċjali għal dawk kollha li ħadmu fuq il-Presepju Malti li jinsab armat fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, hekk kif dan ġie inawgurat f’ċerimonja uffiċjali. Presepju xogħol l-artist Għawdxi Manwel Grech mgħejjun minn skwadra formidabbli, li huwa l-ewwel wieħed fil-Vatikan li sar minn persuni li mhumhiex Taljani.
Lil’hinn mix-xena tan-natività li mdorrijin naraw issoltu, f’dan il-Presepju twil dsatax –il metru mdawwar bi sbatax –il statwa ta’ karattri tipiċi Maltin, jiddomina luzzu – li jirrapreżenta lill-eluf ta’ persuni mġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u jirriskjaw ħajjithom billi jaqsmu l-baħar bit-tama għal ħajja aħjar. Kienu tifel Malti u ieħor Taljan li xgħelu flimkien il-presepju, li issa se jibqa’ mixgħul sat-tmienja ta’ Jannar.
Waqt l-istess ċerimonja kienet inawgurata wkoll is-siġra tal-Milied, twila ħamsa u għoxrin metru u ġejja minn Trento fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Siġra mżejna b’ornamenti taċ-ċeramika, magħmulha minn tfal fi sptarijiet fl-Italja li qed jirċievu l-kura għall-mard bħall-kanċer. Siġra li se tkun qed iddawwal lil din il-Pjazza b’xejn inqas minn tmintax –il elf bozza li ntagħżlu speċifikament bl-inqas konsum t’elettriku possibbli. Waqt din iċ-ċerimonja tkelmu l-Ministru Owen Bonnici u l-Arċisqof Charles Scicluna.