L-attitudni tal-Oppożizzjoni fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż hija inaċċettabbli.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mill-Ministru Jonathan Attard u mid-Deputat Parlamentari Randolph De Battista.
Huma saħqu li l-arroganza tal-Oppożizzjoni mhux biss hija bla limitu iżda hija wkoll arroganza ta’ min jemmen li dak li jagħmel hu kollu tajjeb u dak li jagħmel ħaddieħor huwa ħażin.
Fid-diskors tiegħu tul il-konferenza, id-Deputat Randolph De Battista sostna li, quddiem dan l-aġir, il-Gvern seta’ adotta attitudni popolista bħall-Oppożizzjoni imma minflok għażel triq differenti.
De Battista qal li l-poplu mill-politiċi tiegħu jistenna maturitá.
“Bħala Gvern irridu nieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-interess nazzjonali. Ilbieraħ rajna attitudni arroganti mill-Oppożizzjoni u mhux ta’ b’xejn li ħafna nies dalgħodu qamu jgħidu, ‘Aħseb u ara kieku jkunu fil-Gvern’.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard sostna li, għall-kuntrarju, mid-dibattitu tal-bieraħ dwar is-sentenza marbuta mal-konċessjoni tal-isptarijiet lil Steward ħarġet bl-aktar mod ċar is-serjetà fil-mod kif qed jimxi l-Gvern.
Irrimarka wkoll dwar l-importanza li l-Prim Ministru Robert Abela jesponi l-fatti veritieri b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti.
“Hemmhekk tara l-konfużjoni, l-inkonsistenza, u l-qerq tal-Partit Nazzjonalista, li jrid jiġi bilfors iffaċċjat bil-fatti. Huwa dak li għamel il-Prim Ministru lbieraħ: li ffaċċja lill-Oppożizzjoni bil-fatti biex verament nassiguraw li, fil-mument opportun, inkluż fil-fora opportuna, nieħdu d-deċiżjonijiet fl-aqwa interess nazzjonali.”