“L-implikazzjoni tal-konklużjoni huma serji immens.” Kliem il-Minsitru Chris Cardona waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru Owen Bonnici fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fuq każ bla preċedent li jdur madwar Beppe Fenech Adami.
Il-Ministru Bonnici spjega l-fatti kif ġraw s’issa. Il-Prim Ministru bagħat għand il-Pulizija u l-Financial Intelligence Unit rapport ta’ inkjesta dwar il-każ Capital One, fejn jissemma l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Mir-rapport ta’ inkjesta u rapport tekniku li tħejja fuq talba tal-Imħallfin li mexxew l-inkjesta, irriżulta li dan huwa każ b’suspett qawwi ta’ ħasil ta’ flus. Dwar jekk l-investigazzjoni twaqqfitx minħabba Fenech Adami li dak iż-żmien kien assistent parlamentari fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Bord qal li ma jistax jeskludi li dak kien li effettivament ġara. Il-każ jispikka wkoll għal mod kif intilfu dokumenti mill-file tal-pulizija.
Il-Minsitru Cardona nnota li dan kollu gara fi żmien meta Beppe Fenech Adami kien assistent parlamentari inkarigat mill-ġustizzja, u kien il-persuna li ġġorr ir-responsabilitajiet politiċi tal-Pulizija. Staqsa jekk Simon Busuttil hux se jieħu deċiżjoni fuq dan ir-riżultat; huwiex se jagħmel dak li ilu jgħid jew huwiex se jiddedefenda lil Beppe Fenech Adami kif iddefenda lil Jason Azzopardi, Toni Bezzina, Tonio Fenech u Giovanna Debono fost oħrajn.
Cardona staqsa: komdu jkollu Viċi Kap li manifestament hu involut f’dan il-każ?
Żied jgħid li l-ispjegazzjoni hija issa f’idejn Busuttil u Beppe Fenech Adami, anke dwar il-konċidenza ta’ kif il-kont bankarju ta’ Fenech Adami sploda f’miljun ewro f’depożiti.
Kieku flok isem Beppe Fenech Adami hemm isem Ministru tal-Gvern, osserva l-Ministru Cardona, kullħadd jgħajjat għar riżenja tagħhom, iżda għax huwa Fenech Adami, tgħaddi mal-oħrajn.
Kulhadd jaf, temm jgħid Cardona, li Beppe Fenech Adami huwa dak li ħataf it-tmexxija estremista tal-Parti Nazzjonalista.
Simon Busuttil se jieħu passi immedjati dwar din l-istorja li qatt ma kellha preċedent fl-istorja kontemporanja politika ta pajjiżna?