Għadu kemm tħabbar investiment ta’ €300 MILJUN fis-sit fejn hemm l-ITS f’San Ġiljan. Bħala parti minn dan l-investiment, tħallset is-somma rekord ta’ €60 miljun għax-xiri tal-art.
Element innovattiv kien li l-valutazzjoni tal-art saret mill-awdituri indipendenti Deloitte, imqabbda minn Projects Malta. Preżenti waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar il-proġett, kelliem għall-kumpanija spjega kif għenu l-Gvern biex innegozja valur li jirrifletti l-fair market value tal-art.
Silvio Debono, chairman ta’ DB Group, qal li issa qed jittieħdu l-ewwel passi biex il-proġett isir realtà. Qal li l-isfida li l-grupp DB qed jidħol għaliha hija kbira, u tinkludi tliet lukandi: waħda għall-adulti, oħra għall-familji, u oħra ta’ sitt stilel. Apparti dawn, se jkun hemm ċentru modern tax-xiri, żona ta’ rikreattiva u żona residenzjali.
“Dan huwa proġett li bħalu għad m’hawnx Malta” qal Debono, u żied li “dan nagħmlu għax nemmen f’pajjiżi”.
“Grinta, kuraġġ, u fiduċja fil-pajjiż” spjega Debono, bħala l-ingredjenti neċessarji biex proġett bħal dan jista’ jsir.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li huwa sinnifikanti anke l-mod li bih il-ftehim huwa pubbliku mill-bidu sal-aħħar.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qatt f’pajjiżna ma kellna daqshekk turisti, u dak li normalment fil-passat kien idum biex jikinseb 20 sena sħaħ, issa nkiseb fi tliet snin biss. Dan grazzi għall-viżjoni fit-tul ta’ dan il-Gvern. Hija l-ewwel darba li sar proċess trasparenti bħal dan u huwa differenti ferm minn dak li kien jiġri fil-passat, fakkar Joseph Muscat.
Ritratti: Reuben Piscopo, DOI