In-nannu Toni kien membru fil-korp tal-pulizija u wara erbgħin sena fis-servizz iddeċieda li jirtira iżda n-neputijiet tiegħu għandhom pjanijiet oħra għalih.
F’sitwazzjonijiet suspettużi u x’aktarx kriminali, dawn it-tfal ser jimxu fuq il-passi tan-nannu u ser jibdew l-investigazzjonijiet tagħhom.
Minkejja kollox, in-neputijiet kemm jista’ jkun qed jippruvaw jaħdmu minn wara dahar in-nanna imma t-telespettaturi ta’ ONE huma mistiedna fuq dan il-vjaġġ.
Iltqajna ma’ Silvio Axisa, li ser ikun qed jinterpreta l-karattru tan-nannu Toni li rrakkontalna l-istorja ta’ dan il-karattru.
Huwa spjega: “Prattikament dan in-Nannu Toni li se nkun jien, kien uffiċjal tal-pulizija rtirat u għalkemm irtirat xorta qisu baqa’ jieħu interess f’każijiet ta’ kriminalità. Miegħu għandu tliet neputijiet li ħa jkunu miegħu u prattikament jibdew jiġru dawn il-każijiet madwar il-post fejn ikunu huma u jibdew isolvuhom.”
Axisa qalilna li din is-serje ġdida twila erba’ episodji ser tkun qed iżomm kumpanija lill-udjenza ta’ ONE matul iż-żmien tal-festi.
Huwa tenna: “Tajjeb li nisimgħu mill-awtoritajiet u noqogħdu kemm jista’ jkun ġewwa. Ħa jkun hemm x’tara. Il-ġimgħa li għaddiet waqaf naqra Division 7, se jkompli f’Jannar u f’dan il-brejk se ndaħħlu mini-series ħelwa ħafna għall-familja kollha, m’hemm affarijiet ta’ barra minn hawn. Hija xi ħaġa li żgur li t-telespettaturi ta’ ONE se jieħdu gost biha.”