Il-ħemda u s-skiet taqtgħu b’sikkina minn din il-villa huwa paradoss ma’ dak li sebgħin sena ilu rat din id-dar.
Villa Gwardamanġa rat fost l-isbaħ żmien tal-koppja irjali, dak iż-żmien il-Prinċipessa Eliżabetta u d-Duka Philip Mountbatten.
Kien bejn l-elf disa’ mija u erbgħa u disgħin u l-elf disa’ mija wieħed u ħamsin li meta d-Duka ta’ Edinburgh kien stazzjonat mal-Ammiraljat fuq l-HMS Chequers, bastiment tal-gwerra f’Malta, huwa ġab lill-Prinċipessa miegħu, li kien għad kellha tlieta u għoxrin sena.
Miżżewġin friski, il-koppja rjali qattgħet mumenti sbieħ f’Malta filwaqt li ħalliet warajha l-Prinċep Charles, li dak iż-żmien kien għadu kemm għalaq sena.
Il-binja b’daqs ta’ fuq l-elf u ħames mitt metru kwadru tikkonsisti f’terrazzin, sala, sitt kmamar tas-sodda u anki tlett ikmamar tal-banju.
Apparti għadd ta’ kmamar oħra hemm ġnien imdaqqas u l-proprjetà toffri veduti mill-isbaħ għal fuq il-Port ta’ Marsamxett.
Il-binja kienet inbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin minn Sir Augusto Bartolo, politiku fil-Partit Kostituzzjonali ta’ Strickland u aktar tard ġiet imwellija lill-Ammirall Louis Mountbatten, iz-ziju tad-Duka ta’ Edinburgh.
Intant ftit sigħat wara li l-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern akkwista Villa Gwardamanġa, l-uniku residenza tar-Reġina Eliżabetta II barra r-Renju Unit, is-Sindku tal-Pietà Keith Tanti spjega kif il-komunità tal-Pietà tinsab kuntenta b’dan.
Is-Sur Tanti spjega kif bħala kunsill ilu jimbotta din l-idea biex din il-binja tiġi f’idejn l-awtoritajiet u tiġi restawrata.
“Fl-elf disa’ mija tnejn u disgħin, waqt żjara hawn Malta, ir-Reġina Eliżabetta t-tieni ġiet iżżur din il-Villa. Il-memorji ma jitħassrux u fiż-żmien li ġej dawn se jiġu apprezzati minn dawk li min jaf kemm ġejjin iżuruha minn ġewwa biex jagħrfu s-sura sabiħa ta’ din il-binja li rat il-ħlewwa tal-ħajja friska miżżewġa tal-koppja rjali.”