Mar Għawdex u spiċċa sar ħabib mal-Għawdxin. Spiċċa mitluf f’dinja ta’ ħobż moħmi frisk, ta’ baħar blu u Knejjes li sab ma’ kull rokna. Qed nirreferu għal Alex Vizeo, li ħadem id f’id mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex skopra dak li għandha x’toffri l-gżira ta’ tliet għoljiet.
Vizeo huwa wieħed mill-iktar bloggers segwiti fi Franza għall-pariri li kapaċi joffri fejn jidħol vjaġġar. Biżżejjed ngħidu li hemm 56,181 persuna ssegwih fuq YouTube, 95,300 persuna fuq Facebook u 46.6 elf persuna ssegwih fuq Instagram.
Kien għalhekk li l-MTA ħasbet li tuża t-talenti tiegħu speċifikament għall-prodott Għawdxi. Iċ-ċifri għas-suq Franċiż waħdu huma pożittivi mmens. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kien hemm żieda ta’ xejn inqas minn 19.2% fl-ammont ta’ turisti Franċiżi li ġew Malta fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, meta mqabbel ma’ sena qabel. Bejn Jannar u Ġunju, ġew pajjiżna 76,789 turist Franċiż.
Il-filmati ta’ Vizeo jiġbdu l-attenzjoni mhux biss lis-suq Franċiż innifsu, imma lil swieq oħra fejn huwa mitkellem il-Franċiż, bħal ngħidu aħna dak Belġjan. Barra minn hekk, filmat minnhom huwa mingħajr kliem, u hemm interess qawwi li jintuża fi swieq internazzjonali kollha, lejn il-promozzjoni ta’ Għawdex.
S’issa żgur li tqanqlet xi ftit tal-kurżità; segwi wieħed mill-filmati!