Il-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet bi tħejjija għaċ-ċerimonija tal-Ħamis fejn jittieħed il-ġurament tal-ħatra tal-ħdax-il President tar-Repubblika ta’ Malta.
Għaldaqstant, crew ta’ ONE News żar il-barracks tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa fejn seta’ jsewgi wħud mit-tħejjijiet li għaddejjin biex iċ-ċerimonja tal-Ħamis tkun waħda suċċess u kif jixraq għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Istat Malti.
Fil-barracks tkellimna mal-Kaptan Kayleigh Gelfo, mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Forzi Armati, li spjegatilna dettalji dwar l-involviment tal-Forzi Armati ta’ Malta fiċ-ċerimonja statali.
“Din iċ-ċerimonja tinvolvi madwar tliet mija u ħamsin ruħ mill-Forzi Armati ta’ Malta. Se jkollna kemm il-Gwardja tal-Unur, li se ssir fil-Pjazza San Ġorġ kif ukoll 21-gun salute li ħa tkun qed tinħaraq mis-Saluting Battery tal-Barrakka ta’ Fuq, ukoll Wreath Laying Ceremony li se tkun qed tieħu post fil-Monument tal-Gwerra tal-Furjana.”
Kap. Kayleigh Gelfo
Gelfo kompliet tispjega kif ċerimonja bħal din tirrikjedi aktar tħejjija, fid-dawl tal-kobor tagħha u l-ammont ta’ persuni involuti.
“Għal din iċ-ċerimonja għandna diversi moving parts ngħidulhom aħna, allura, għax mhux għandek il-focus kollu tiegħek fuq il-Gwardja tal-Unur biss, imma trid tara li t-timings qed jaqblu meta jittieħed il-ġurament. Ikollna l-fanfarra għaddejja, imbagħad jidħlu l-kanuni, imbagħad jerġgħu jidħlu n-nies li qegħdin fiċ-ċerimonja, allura jkun hemm diversi kordinamenti bejn taqsimiet diversi u partijiet li jkunu qegħdin għaddejjin waqt iċ-ċerimonja.”
Kap. Kayleigh Gelfo
Iċ-ċerimonja tal-Ħamis se tkun qed tibda fl-għaxra ta’ filgħodu, bl-involviment tal-Forzi Armati jibda siegħa wara minn quddiem il-Parlament Malti.
Is-suldati jimxu għal Pjazza San Ġorg fejn se jkun hemm il-Gwardja tal-Unur u jingħata l-aħħar salut lill-President uxxenti George Vella.
Isegwi s-salut mill-Barrakka ta’ Fuq, imbagħad Gwardja tal-Unur oħra, bl-ewwel salut lill-President il-ġdida, Myriam Spiteri Debono.