Dan mhux biss moviment tal-lum, imma meta wasal il-waqt li l-poplu jagħti l-ġudizzju tiegħu, kien lest jgħid mhux biss x’għamel imma x’ħa jkun qed jagħmel. Ħareġ bil-prioritajiet li qed ikunu spjegati, inkluż bl-effett tagħhom fuq l-ekonomija, u kif se jdawwru r-rota ekonomika.
Joseph Muscat qal li ma jrid lil ħadd jimmina x-xogħol bil-kalunji.
Sema lill-Maġistrat li llum qal li l-karti li ġab quddiemu Simon Busuttil ma kellhomx x’jaqsmu mal-inkjesta dwar il-Prim Ministru u martu. Il-Maġistratt qal li huwa każ differenti, jinvestiga Maġistrat ieħor, u jekk ikun hemm biżżejjed provi, Keith Schembri jitpoġġa taħt investigazzjoni. Però, qal il-Prim Ministru, dan ifisser li wara tant kliem u wara tant paroli, Simon Busuttil assulutament ma kellu xejn f’idejh bħala provi. Ġab lill-pajjiż f’periklu ta’ instabilità. Qagħad fuq qlajjiet u wera kemm mhux lest imexxi. “J’Alla l-Maġistrat jikkonkludi malajr kemm jista’ jkun” qal Joseph Muscat.
Dwar il-kumitat Pana, qal li m’għandix problema jidher quddiem il-Parlament Ewropew. “In-nies qed jindunaw” qal Joseph Muscat dwar it-tattika ta’ Busuttil u l-kampanja ta’ negattività tiegħu.
Simon Busuttil kien jgħid li l-ekonomija mhix b’saħħitha biżżejjed. Illum, wara li nbiet l-ekonomija mill-ġdid, nifilħu għal affarijiet bħal btajjel pubbliċi. Lin-nies tan-negozju, il-Gvern se jkun qed jgħinhom. Mhux se jkun qed inaqqas il-kummerċ imma se jkun qed iżidu. “Qed inżidu l-ħin lill Maltin u l-Għawdxin jistgħu iqattgħu mal-familji tagħhom” spejga Joseph Muscat. Semma wkoll ir-rifużjonijiet fit-taxxa li dan il-Gvern se jkun qed jagħti. Semma l-fatt li kulħadd illum iħallas inqas kontijiet tad-dawl u l-ilma, u inqas taxxa. Kull min jaħdem u jaqla’ sa sittin elf ewro ħa jirċievi ċekk id-dar. Min jaqla inqas se jirċievi aktar. Mhux se jkunu qed jimlew karti u taparsi jingħad lil nies u sidien ta’ negozji li ma jikkwalifikawx. “Ħaddieħor kien jibgħat il-kontijiet u dan il-Gvern iċ-ċekkijiet” qal Muscat.
Erba’ snin ilu kienu jgħidu li ma nistgħu nagħmlu xejn. Imma f’erba’ snin, żdiedu l-pensjonijiet, u ma żdiditx ċenteżmu taxxa. Spiċċajna b’surplus. “Dan huwa Gvern li jagħtik u mhux li joħodlok” qal Muscat.
Dwar l-għażla tal-elettorat, qal li hemm bżonn li ħadd ma jimla rasu. “Li jiswa huwa s-Sibt 3 ta’ Ġunju toħorġu tivvotaw għall-kandidati kollha tal-PL”. Spjega li għadu jsib min jgħidl li mhux ħiereġ jivvota. Lil dawn, qallhom “jekk ma toħorġux tivvotaw, tiftħu l-bibien beraħ lejn min ilu jagħmel vendikazzonijiet magħkom snin sħaħ. Ħaddieħor ma jtik xejn għax hu kien l-ewwel wieħed li ħadem biex ma tiħux li ħaqqek”.
Żied jgħid “inkomplu naħdmu b’din il-pożittività u bl-enerġija nuru li l-pajjiż mhux lest jinfired u jidħol f’assoċjazzjoni mal-koalizzjoni tal-kaos. Persważ li jekk inkomplu naħdmu ‘il quddiem, nistgħu nuru li l-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej”.