F’messaġġ permezz ta’ filmat fuq is-sit soċjali Facebook il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat qal li jinsab kuntent li fit-3 ta’ Ġunju l-poplu Malti se jkun jista’ jiddeċiedi d-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Jekk il-pajjiż għandux jimxix ‘il quddiem jew jekk għandniex inreġġgħu l-arloġġ lura, jekk immorrux għal aktar xogħol jew nerġgħu nibdew bil-qgħad.
Il-Prim Ministru qal kif ma nistgħux inħallu l-koalizzjoni tal-kaos iddaħħal l-instabbiltà fil-pajjiż. Muscat qal li d-deċiżjoni tiegħu hi deċiżjoni li jrid juri r-responsabbiltà tiegħu bħala Prim Ministru.
“Jien minix bniedem li qiegħed mkaħħal mas-siġġu tal-poter. Jien irrid inkun hawnhekk biex inservi lilkom. Id-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju li ġej hija ċara. Lil min tridu Prim Ministro tal-pajjiż; lili jew lil Simon Busuttil? Id-deċiżjoni se tkun f’idejkom,” temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.