Waqt il-programm Xarabank, il-Prim Ministru Joseph Muscat u Simon Busuttil qed jiltaqgħu f’dibattitu. Tista’ ssegwi hawn.
21:16 Il-Prim Ministru spjega li kien minn rajh u bħala ċittadin, li talab li ssir inkjesta indipendenti. “L-inkjesta mhux lili qed tinvestiga”, spjega l-Prim Ministru, “imma l-allegazzjonijiet li għamel Simon Busuttil”. Sfida lil Simon Busuttil biex illejla jġib provi.
21:17 Simon Busuttil bħala provi wera biss ritratt ta’ żewġ bagalji. Il-Prim Ministru qal li forsi fihom l-invoices tad-DB. Qal li transfers bankarji ma jinġarrux bil-karti imma b’sistema internazzjonali.
21:23 Il-Kap ta’ Oppożizzjoni qed jaħrab it-talba biex iġib aktar provi u qed jgħid li mill-inkjesta, l-Maġistrat m’hu se jsib xejn. Il-Prim Ministru diġà qallu li transfers bankarji mhux se ssibhom dokumentati fuq karta.
21:30 Il-Prim Ministru stieden lil Busuttil jitkellem mar-regolatur tas-Servizzi Finanzjarji f’pajjiżna, li kien ħatru Fenech Adami. Il-Prim Ministru stiednu jistaqsi lil Busuttil jekk qattx indaħallu fl-għoti ta’ xi liċenzja. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-allegazzjoni li saret illejla, fejn ġiet ippubblikata transcript ta’ suppost dokument.Il-Prim Ministru staqsa lil Simon Busuttil jagħmilhiex tiegħu din l-allegazzjoni. Busuttil ma qalx iva jew le.
21:37 Lura minn pawża kummerċjali, il-Prim Ministru reġa’ spjega li llejla Daphne Caruana Galizia ippubblikat suppost transcripts li allegatament juru li Egrant huma tal-Prim Ministru u ta’ martu. Joseph Muscat reġa’ staqsa lil Simon Busuttil jekk jemminx lil Daphne Caruana Galizia. Busuttil ma weġibx u minfok tkellem fuq kif se jwiegħed ġustizzja. L-ewwel li għandu jagħmel, wieġeb Muscat, huwa li jkun investigat hu stess fuq iċ-ċedoli, fuq il-miljun ta’ Beppe Fenech Adami u fuq l-Iskema Pagi PN.
Il-Prim Minsitru qal li min iffalisfika d-dokument ta’ Daphne Caruana Galizia għamel żewġ żbalji. Egrant qed iġġib l-indirizz ta’ post f’San Ġwann. Dan meta Simon Busuttil ilu jgħid li Egrant hija kumpanija fil-Panama. It-tieni prova ta’ falsifikazzjoni hija ċertifikat li Egrant ingħatat lil Brian Tonna fl-2013. Id-dokument ta’ Daphne jgħid li nbiegħet lil Michelle Muscat fl-2015. L-istess kumpanija allura tiġi li nbiegħet lil Brian Tonna u lil Michelle Muscat. “Xi ħadd daħħalkom f’ħajt enormi” qal Joseph Muscat.
21:49 Simon Busuttil għadu kemm qal li jekk Egrant hix ta’ Michelle Muscat jew ta’ Joseph Muscat saret irrelevanti.
21:51 Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jafx fejn huma l-linji. Permezz ta’ seħbitu, jħammeġ lilu, martu u wliedu. Imma ma ġabx prova waħda llejla, filwaqt li jrid jipprotesta nhar il-Ħadd. “Fuq xiex?” staqsa Joseph Muscat…fuq xi ħaġa li mhux ċert minnha, jew li m’għandux provi tagħha?
22:01 Simon Busuttil qal li ma jridx li tintuża l-familja fid-dibattitu politiku u li Joseph Muscat qed jipprova jirbaħ is-simpatija billi juża lil familtu. Il-Prim Ministru qal li ilu jumejn b’uliedu u martu bil-cameras jiġru warajhom. Ħadu b’idejn xulxin u ftehemu li ma jkunx hemm attakki fuq familja. Il-Prim Ministru nnota però li aktarx Daphne Caruana Galizia tkompli għaddejja u l-PN jgħid li m’għandux x’jaqsam magħha.
22:08 Il-Kap tal-Oppożizzjoni żeffen fin-nofs lill-pazjenti tal-kanċer u qal li hemm bżonn li d-diskors ikun fuqhom minflok fuq l-allegazzjonijiet li tefa’ hu stess u li llejla qed jiddibatti dwarhom. Il-Prim Ministru fakkru li n-numru ta’ nies fil-faqar naqas bin-nofs fi tliet snin biss.
22:22 Mistoqsi x’jagħmel jekk l-allegazzjonijiet ta’ Daphne ma jkunux vera, Simon Busuttili ma weġibx u minflok qal li din mhux lottu imma realtà. Joseph Muscat qal li t-transcript tad-dokument iġib id-data tal-2015, u l-leaks imorru għal wara dik id-data. Kieku, meta ħarġu l-leaks dwar il-Panama Papers, id-dokument kien joħroġ dakinhar.
22:40 Simon Busuttil qal li beda b’36,000 minn taħt. “Imma x’nagħmel, ma nagħmel xejn?” staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni.
22:45 “Minflok ġibt prova, bżajt u tfajt iktar ħmieġ” ikkonkluda l-Prim Ministr. In-nies jafu li dan il-Gvern għamel żbalji, żied jgħid Joseph Muscat, imma għamilna ħafna tajjeb u n-nies dan it-tajjeb jafuh sewwa. In-nies dan it-tajjeb iħossuh.
“Fl-ewwel ta’ Mejju niltaqgħu lkoll il-Belt Valletta fejn flimkien niċċelebraw is-suċċessi ta’ dan il-pajjiż”.