Is-segwaċi tas-sit internazzjonali Ingliż ‘The Guardian’ ikklasifikaw lil pajjiżna bħala wieħed mill-aqwa destinazzjonijiet għal matul ix-xitwa fin-Nofsinhar tal-Ewropa.
Waħda mis-segwaċi semmiet il-gżira tat-Tliet Għoljiet. Hawnhekk issemgħu l-mixjiet mal-kosta u anki ssemmiet il-Bażilika ta’ Ta’ Pinu fl-Għarb.
Ma jonqosx li jissemma wkoll l-ikel bnin, bil-ħut u tazza tal-inbid Maltija, li hija ta’ kwalità tajba.
Tul din is-sena, siti internazzjonali bħas-CNN kitbu wkoll dwar is-sbuħija ta’ pajjiżna, fejn intqal li f’Malta hemm “dinja fuq tliet gżejjer fil-Mediterran.” F’dan l-artiklu ntqal li pajjiżna huwa mogħni b’temp sabiħ u dan jagħmlu perfett biex wieħed iżur pajjiżna għall-btala.
Apparti minn hekk, is-CNN kien semma wkoll postijiet ta’ interess li wieħed għandu jmur meta jżur pajjiżna, fosthom il-Belt Valletta u anki t-Tliet Ibliet tal-Kottonera.
Dawn l-artikli internazzjonali, segwiti minn miljuni ta’ persuni juru r-reputazzjoni tajba li għandha pajjiżna u juru s-sbuħija ta’ pajjiżna b’mod internazzjonali.
Din is-sena, pajjiżna mistenni jaqbeż iċ-ċifri turistiċi rekord li kien hemm fis-sena elfejn u dsatax (2019), is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan hekk kif fiċ-ċifra ta’ din is-sena mistennija tkun viċin dik ta’ tliet miljun turist li għażlu jżuru lil pajjiżna.
Il-kampanja ta’ reklamar b’saħħtu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu madwar id-dinja fosthom b’reklam ta’ promozzjoni dwar is-sbuħija ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni għat-turisti qed tixxandar fuq stazzjon televiż ewlieni fl-Istati Uniti, li għandu miljuni ta’ segwaċi.
Apparti dawn hemm ukoll reklami f’postijiet pubbliċi f’diversi bliet madwar id-dinja u anki permezz taż-żjara tat-tim tan-nisa ta’ Manchester United fil-bidu ta’ Jannar li ġej.