Eġizzjan ta’ 49 sena li jgħix Ħal Balzan inżamm arrestat wara li allegatament segwa lill-eks sieħba tiegħu u tterrorizzaha.
L-akkużat, li ismu mhux jixxandra fuq ordni tal-Qorti biex ikunu protetti wliedu, affaċċja wkoll akkużi li ffabbrika l-provi, li kkawża biża’ fuq il-vittma u familtha, li heddidhom, u li prova jiżola lill-vittma bi kliemu u b’għemilu fost l-oħrajn. Fl-istess ħin jidher ukoll li l-akkużat kiser il-kundizzjoni ta’ ordni ta’ protezzjoni tal-Qorti tal-Familja.
L-Ispettur Elton Taliana qal fil-Qorti li dan huwa wieħed mill-agħar każi tan-natura tiegħu li qatt iltaqa’ magħhom. Spjega li l-eks sieħba u qrabatha spiċċaw itterrorizzati mill-akkużat hekk kif kienu jsibuh kull fejn kienu jmorru. Għalhekk ma kienx hemm għażla oħra ħlief li dan ikun arrestat.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest, talba li għaliha il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa.
Id-difiża qalet li l-problema kienet li l-akkużat ma tħalliex jara lil uliedu għal erba’ xhur sħaħ, bil-prosekuzzjoni tgħid li dan mhux minnu għaliex kienet il-Qorti li ordnat li l-aċċess ikun restritt.
Kien hawn li l-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest.