Illum waranofsinhar l-Ispeaker inawgura wirja internazzjonali tal-Arti fil-Parlament ta’ Malta. Din il-wirja, bl-isem “Segnalati Malta”,tikkonsisti f’sitta u sittin pittura minn artisti minn diversi pajjiżi, inkluż Maltin mill-Afrika, l-Asja, l-Amerika Latina u mit-Tramuntana tal-Amerika.
F’kelmtejn għal din l-okkażjoni, l-Ispeaker fisser l-arti bħal mezz effettiv fejn il-bniedem ifisser il-ferħ u d-dwejjaq tiegħu, inkluż kritika għal dawk l-affarijiet li mhumiex sew u immorali.
Hu fisser kif il-Parlament hu l-post ideali fejn permezz tal-arti, l-individwi jingħaqdu flimkien biex juru l-pożizzjoni u l-fehma tagħhom bil-għan li l-ambjent tad-dar komuni tagħna, id-dinja, jitjieb ħalli lkoll kemm aħna ngħixu b’dinjità.
Artisti minn diversi pajjiżi ngħaqdu flimkien f’Malta biex jiċċelebraw l-arti. Ilkoll kemm aħna konxji mid-dmir tagħna li għandna nħarsu l-ambjent tad-dar komuni tagħna. Fost dawn insibu l-impenn biex niżguraw lid-dinja tibqa’ tassew sabiħa, b’saħħitha u post fejn kulħadd jgħix mod ħieles, libertà u ħajja dinjituża.
Din il-wirja hi organizzata flimkien mal-aħwa Russo u Serradifalco, esperti tal-arti mill-Italja.
Il-pubbliku hu mistieden li jżur din il-wirja internazzjonali tal-arti fil-Parlament sat-23 ta’ Ottubru 2023, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00 ta’ filgħodu sas-6.00 ta’ filgħaxija, fil-festi pubbliċi, Sibtijiet u Ħdud mid-9.00 ta’ filgħodu san-nofs siegħa (12.30 hrs).