Nhar it-Tnejn, f’seduta fil-Parlament se jiġi diskuss u jgħaddi mill-istadji kollha l-Abbozz biex fi proċess għal smigħ ta’ kawża tkun eliminata l-possibilità li akkużat jabbuża mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Ħabbar dan il-Prim Ministru, Robert Abela, fi tweġibiet li ta lill-ġurnalisti wara li kien għadu kemm inawgura investiment privat ta’ €8 miljun.
Dr Abela spjega li b’dan l-Abbozz intbagħat messaġġ ċar li l-Gvern ma jittollera lil ħadd jevadi l-ġustizzja.
L-Abbozz, imressaq mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, qed jipproponi emendi leġiżlattivi biex jaqta’ l-lok ta’ abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inklużi l-proċessi ġudizzjarji.
Il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li l-ħelsien mill-arrest jingħata dejjem jekk smigħ ta’ kawża ma jseħħx fi żmien 30 xahar, f’każ li persuna tkun akkużata b’reat li jkun punibbli bi 15-il sena ħabs jew iżjed.
L-emendi legali ppubblikati issa mistennija jipprovdu għas-sospensjoni tat-termini għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest f’każ li l-akkużat iwaqqaf smigħ ta’ kawża billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu u f’każ li smigħ ta’ kawża ma jkunx jista’ jseħħ għal raġuni attribwibbli esklussivament lil xi wieħed jew aktar mill-akkużati.
Dwar dawn l-emendi legali hemm qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti.